Wednesday, March 12, 2025

Li jkollok karriera ta’ suċċess fil-futbol iġġib magħha ħafna sagrifiċċji – Orosco Anonam

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Dan kollu beda mit-triq, fejn konna nilagħbu u nieħdu gost bħala tfal, filwaqt li nesprimu ruħna b’ħafna stili u manuvri waqt il-logħob biex forsi wkoll nispikkaw fost l-oħrajn.

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek bħala kowċ ma’ Gudja United FC.

Għall-ewwel f’dan ix-xogħol dehret impossibbli anke biex inġibu xi plejers, u dan kien bħal donnu ħmar il-lejl għall-klabb, imma fl-aħħar mill-aħħar irnexxielna negħlbu din it-tempesta u rreġistrajna aktar plejers.


X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim tiegħek matul dan l-istaġun sa issa?

Għandi biss kliem ta’ tifħir għal dan il-grupp ta’ plejers li għandna fit-tim għax urew livell tajjeb ħafna fil-piċċ mill-ewwel ġurnata tal-istaġun sa issa, u ħafna mill-plejers issorprendewni bir-riżultat tagħhom.

X’inhuma t-tragwardi tagħkom għal dan l-istaġun?

Għal dan l-istaġun 2004-25 it-tragward tagħna hu li nilħqu l-għan tal-early season.

X’tista’ tikkummenta dwar il-kumitat ta’ Gudja United FC immexxi mill-President Dr Duncan Borg Myatt?

Il-kumitat ta’ Gudja United FC immexxi mill-President Dr Duncan Borg Myatt minn dejjem kien ta’ sapport kbir u dejjem ra kif isolvi xi problemi li kellu t-tim biex il-plejers ikollhom għanijiet ċari.

X’differenza tara bejn il-BOV Challenge League u l-Malta Premier?

Il-Premier League dejjem ser ikun minn quddiem komparat maċ-challenge league, kemm fit-teknika u anke t-tattika minħabba plejers barranin fil-piċċ għax wieħed jistenna aktar fluwidità u aktar kwalità, imma l-ewwel diviżjoni għandha wkoll l-uniċità tagħha bil-mod kif tintlagħab u hija aktar logħba diretta u fiżika.


Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent u kif rajtu jinbidel matul is-snin?

Meta league ma jkunx iddominat minn tim wieħed biss f’kull staġun, imbagħad tkun tista’ tara l-livelli ta’ timijiet oħra u tarahom jitjiebu, anke timijiet li huma ġejjin mill-ewwel diviżjoni qed jirbħu logħob billi jilagħbu b’mod mill-isbaħ u anke jiskorjaw kontra t-timijiet, u dan huwa titjib kbir fil-league.

U l-livell tar-riżorsi (grawnds) fejn tilagħbu l-logħob tagħkom?

Aħna bħala Gudja FC m’għandniex xi ngergru fuq il-grawdns, għax għandna l-piċċ kollu disponibbli għalina għat-taħriġ, u huwa simili għal dak li nilagħbu l-logħob kull ġimgħa.

Kif tara l-futur tiegħek fejn jidħol il-futbol?

Dwar il-futur tiegħi fil-futbol ser nimxi ġurnata b’ġurnata u nibqa’ nħares ’il quddiem biex nilqa’ kull sifda li se tiġi quddiemi.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jilgħab il-futbol u jagħmel karriera ta’ success.

Li jkollok karriera ta’ suċċess fil-futbol iġġib magħha ħafna sagrifiċċji, għax wieħed irid jaħdem biex b’mod intelliġenti jkun dejjem aħjar minn dawk il-plejers ta’ madwaru għax il-plejers iridu kemm fit-taħriġ u anke fil-logħob jinsistu biex ikunu aħjar u jġibu s-suċċess. Dak li l-plejers jagħmlu barra mill-grawnd huwa wkoll fattur importanti ħafna.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport