Minn Cristian Muscat
X’kien dak li xprunak biex taċċetta l-kariga bħala kowċ ta’ Balzan, wara li kont waqaft mill-kariga bħala kowċ tal-Gżira fil-ġimgħat li għaddew?
Ħafna staqsewni din il-mistoqsija għax kulħadd jaf li din hija sfida kbira għax kulħadd jaf li Balzan diġà għandhom il-playoff li tintlagħab f’Mejju u kienu għaddew minn serje ta’ riżultati negattivi. Meta ġejt avviċinat, ħsibt fuqha, m’aċċettajtx mall-ewwel u ddeċidejt li ninżel nara sessjoni ta’ taħriġ tagħhom, mingħajr ma navża lill-plejers, u ħassejt li bin-nukleu li hemm, ħassejt li għalija hija sfida imma nistgħu nagħmlu biċċa xogħol tajba, jekk kulħadd jaħdem u jkun on-board nistgħu naslu. Jiena bniedem li nisfida kollox, biex nidħlu fl-Ewropa, biex nirbaħ it-tazzi, u ħassejt li din hija sifda oħra għalija u naħseb dħaltilha biex tkun għalija, jekk jirnexxieli noħroġ lil Balzan għal riżultat aħjar, ikun gwadann kbir.
Temmen li realistikament se jirnexxielkom issalvaw?
Li kieku ma nemminx ma kontx nidħol għal din il-kariga, għax ma naħsibx li hi sabiħa għall-kowċ, li nkun naf li dieħel u nkun qisni qed inċafċaf fl-ilma ma kontx nidħlilha żgur li le.
Andrew, eks plejer ta’ livell bħalek, niftakruk mat-tim nazzjonali Malti, rebbieħ erba’ darbiet tal-MFA plejer tas-sena, li huwa wkoll rekord, il-livell tal-kampjonat din is-sena kif qed tarah?
Bħala livell nemmen li t-timijiet saru aktar preparati, saru aktar tattikament dixxiplinati, bħala talent naqas, imma bħala kollettiv żdied.