Proprju fl-aħħar sigħat kellna l-Kummissjoni Ewropea titqanżaħ tipprova tbellagħha lill-popli Ewropej li f’era ta’ bidliet ġeopolitiċi mgħaġġlin,
l-Unjoni Ewropea m’għandhiex triq oħra ħlief li iżżid il-pass biex tipproteġi liċ-ċittadini tagħha u ssaħħaħ il-kapaċitajiet ta’ difiża tagħha. Din hi l-unika triq li qed
tippreżenta l-Kummissjoni Ewropea. Qiegħda titkellem biss fuq din it-triq. Ebda alternattiva.
Deċiżjoni li tistona mmens metą tara l-iskuntentizza li hemm fost
popli Ewropej kemm lejn il-klassi politika u anke lejn l-Unjoni Ewropea infisha. Unjoni Ewropea maqtugħa minn nies, l-istess kif hi maqtugħa minn nies il-Kummissjoni Ewropea.
Maqtugħin tant li quddiem il-kunflitt bejn ir-Russja u l-Ukrajna u quddiem id-dikjarazzjonijiet li għamel il-President tal-Istati Unit Donald Trump, l-istess Unjoni
Ewropea ħadet l-okkażjoni u għamlet dak li kienet ilha tippjana għalih. Dak li tibda tarma lilha nfisha bl-armamenti. Li tonfoq fuq l-armi u tkompli tippompja flus u armi biex jittawwal il-kunflitt.
U ovvjament kunflitt imtawwal ifisser aktar imwiet. Aktar tfal mejta. Aktar tkissir. Imma għal Unjoni Ewropea dan ma jimpurtax, għax ilfatt li se tarma lilha nfisha qiegħda tarah li se jkun ta’ benefiċċju ekonomiku. Ovvjament benefiċċju ekonomiku li għandu prezz uman.
Id-deċiżjoni li l-Unjoni Ewropea tarma lilla nfisha hi kuntrastanti għall-aħħar meta wieħed iqis li fl-Unjoni Ewropea kważi wieħed minn kull ħames adulti qiegħed f’riskju ta’ faqar. Deċiżjoni kuntrastanti meta wieħed iqis il-miżuri ta’ awsterità li kellhom jittieħdu f’għadd ta’ pajjiżi Ewropej.
Kuntrastanti għax fil-passat rajna l-Unjoni Ewropea tissikka ma’ ċerti pajjiżi, imma
issa fejn jidħlu l-armamenti u investiment fl-armi qegħdin naraw sitwazzjoni fejn fetħet idejha beraħ. U biex jippruvaw ibiegħu dan ilħsieb, li minnu ma jgawdi ħadd
għax kull ma jġib hu imwiet u qerda, l-Unjoni Ewropa u l-Kummissjoni Ewropea jgħidulna li rridu nieħdu r-responsabbiltà għas-sigurtà tagħna stess u dan billi jsir investiment f’difiża robusta.
Jgħidulna li b’dan iridu jissalvagwardjaw u jipproteġu lill-Ewropej. Ma jiqfux hemm u jgħidulna li jridu jiżguraw li jkun hemm r-riżorsi biex jaġixxu meta jkun meħtieġ. U x’qed jgħidulna? Ħejjew White Paper u qed jgħidulna li jridu jiżguraw li l-industrija tad-difiża Ewropea tkun tista’ tipproduċi bil-veloċità u l-volum mitluba.
Mhux hekk biss imma jgħidu ukoll li jrid ikun hemm l-iffaċilitar tal-iskjerament rapidu ta’ truppi u assi militari madwar l-Unjoni Ewropea. U waqt li l-Unjoni Ewropea tibqa’ timbotta f’din id-direzzjoni, fi ħdan għandha sfidi mhux żgħar. Fost
dawn hemm il-problema tal-livell tal-għixien, l-isifdi tal-bidla fil-klima u l-partiti populisti u estremisti li qegħdin jerfgħu rashom.
Partit li qegħdin jerfgħu rashom tort ta’ deċiżjoni ħażina ta’ l-istess Unjoni
Ewropea. Mhix sorpriża li se nkunu qegħdin naraw popli jipprotestaw bil-kbir
fil-pjazez tal-ibliet Ewropej. Il-popli ma ħallewlhom l-ebda triq oħra għajr dik li jinżlu fit-toroq.