Sunday, December 22, 2024

Liberat mill-akkużi minħabba żball fid-data taċ-ċitazzjoni

Aqra wkoll

Il-Qorti tal-Appell illiberat raġel mill-akkużi li saq vettura mingħajr liċenzja wara li semgħet kif id-data ta’ meta l-Pulizija kienet qiegħda tagħmel l-ispezzjonijiet ma kinitx taqbel mad-data fiċ-ċitazzjoni ta’ meta ġara l-każ.

Kien f’Diċembru li għadda, meta waqt li l-Pulizija kienu qed jagħmlu spezzjonijiet fi Triq Villabate, Ħaż-Żabbar, huma identifikaw vettura li allegatament kellha l-liċenzja skaduta u s-sewwieq allegatament kien qed isuq mingħajr assigurazzjoni valida.

Annunziato Gatt ta’ 70 sena kien tressaq il-Qorti mixli b’diversi akkużi relatati ma’ sewqan ta’ vettura bla liċenzja u mingħajr ma kien kopert polza ta’ assigurazzjoni dwar ir-riskji ta’ terzi persuni.

F’April li għadda, huwa kien instab ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u l-Qorti tal-Maġistrati kkundannati multa ta’ €2,400 filwaqt li kien skwalifikat milli jikseb liċenzja tas-sewqan għal perjodu ta’ sitt xhur.

Huwa appella mis-sentenza fejn ilmenta fost oħrajn minn apprezzament żbaljat tal-provi prodotti. Sostna li l-unika prova diretta dwar il-każ huwa l-affidavit ta’ kunsitabbli li indika li l-kontroll fit-toroq seħħ fil-lejl ta’ bnejn it-18 u d-19 ta’ Diċembru 2023.

Jingħad li dan huwa hekk peress li ċ-ċitazzjoni tagħmel referenxa għal “18 ta’ Diċembru 2023 għall-ħabta ta’ 00.08 hrs” u mhux għad-19 ta’ Diċembru 2023. Spjega li għalhekk il-prova ewlenija hija kunfliġġenti.

L-Ewwel Qorti kienet innotat li r-round check bdiet fl-10.30 p.m. tas-17 ta’ Diċembru 2023 u baqgħet għaddejja sas-1.30 a.m. meta allura l-ġurnata kienet diġa’ qalbet għat-18 ta’ Diċembru 2023.

Minkejja dan, il-Qorti tal-Appell preseduta mill-Imħallef Neville Camilleri nnotat kif mill-atti proċesswali kien hemm kunflitt dwar id-data u l-ħin tal-każ. Intqal li anke l-ewwel Qorti kienet iddikjarat li l-kuntistabbli “seta’ possibilment kien aktar ċar” meta seħħ ir-road check.

“Dak li jwaqqaf lil din il-Qorti milli taqbel mal-Ewwel Qorti meta ċaħdet l-eċċezzjoni tad-difiża huwa l-fatt li fejn hemm imniżżla l-vetturi li twaqqfu fir-road checks jagħmel referenza għad-data tat-18 ta’ Diċembru 2023 fl-10.30 p.m. li jagħti x’jifhem li r-road check kien sar fil-lejl ta’ bejn it-18 u d-19 ta’ Diċembru 2023 u mhux kif tgħid l-Ewwel Qorti li r-road check beda fis-17 ta’ Diċembru 2023.”

Kien għalhekk li ntlaqa’ l-appell imressaq minn Gatt u l-Qorti tal-Appell irrevokat is-sentenza appellata u minflok iddikjarat lill-imputat mhux ħati tal-imputazzjonijiet kollha miġjuba kontra tiegħu u b’hekk illiberatu minn kull ħtija u piena.

Annunziato Gatt kien assistit mill-Avukat Dr Herman Mula.

Ekonomija

Sport