Monday, May 13, 2024

Libjan ikkundannat 14-il sena ħabs fuq attentat ta’ qtil f’Tigné fl-2021

Aqra wkoll

Hisham Ali Abuagilla, Libjan li kien joqgħod tas-Sliema ġie kkundannat 14-il sena ħabs wara li ammetta l-akkużi ta’ attentat ta’ qtil kif ukoll ta’ traffikar tad-droga. Il-każ kien seħħ f’Awwissu tal-2021 f’Tigné.

Il-Libjan li għandu 40 sena ġie mmultat ukoll €4,000 u biex iħallas €14,600 fi spejjeż kif ukoll kellu l-propjetà tiegħu kollha konfiskata wara li ammetta l-akkużi kollha kontrih.

Kien l-Imħallef Aaron Bugeja li quddiem deher l-akkużat fejn wara li ammetta qal li qiegħed jagħmel dan biex ikollu sentenza ta’ ħabs imnaqqsa. Dan sar wara ftehim li kien hemm bejn il-Prosekuzzjoni u anke d-difiża.

Il-Libjan kien ġie arrestat għaxart ijiem wara li kien seħħ l-attentat ta’ qtil. Kien wara li kien tressaq il-Qorti fejn ġie akkużat b’diveri akkużi.

Fil-ħin li kien ġie arrestat hu kien qiegħed iġorr sikkina u diversi pakketti li fihom kien hemm sustanza suspettiża ta’ kokaina, kannabis u anke ecstasy li kull indikazzjonijiet kienet turi li ma kinitx għal użu personali tiegħu. Aktar tard fid-dar tal-akkużat instabu diversi boroż bid-droga.

Il-vittma Luke Daniel Jones kien qal lil Qorti li qabel ma seħħ il-każ hu kien qiegħed jixrob flimkien ma’ żewġ kollegi f’bar f’ Paceville. Meta għalaq il-bar wieħed mill-ħbieb tiegħu qallu biex imorru jiltaqgħu mal-akkużat ta’ Tas-Sliema u wara li għamlu xi ħin d-dar tal-Libjan huma mxew flimkien lejn il-bajja ta’ Tigné fejn kienu qegħdin iġorru xi flixkien xorb.

Kien hawn li seħħet ġlieda bejn wieħed mill-ħbieb tal-vittma u l-Libjan. L-akkużat dar għal vittma hekk kif dan ipprova jifred il-ġlieda. Jones laqqat mill-inqas 6 daqqiet bi strument li jaqta’.

Id-difiża tmexxiet mill-Avukat Noel Bianco filwaqt li l-Prosekuzzjoni tmexxi minn Etienne Savona.

Sport