Paris St-Germain għadhom qed ifittxu l-ewwel rebħa tagħhom f’Ligue 1 dan l-istaġun wara li sofrew telfa ta’ 2-1 kontra Monaco.
Minkejja li PSG marru minn fuq permezz ta’ daqqa ta’ ras mill-viċin tal-captain Marquinhos, fil-31 minuta, ma rnexxilhomx iżidu l-vantaġġ tagħhom qabel il-mistrieħ.
Monaco, li ma kellhomx xutt wieħed lejn il-lasta fl-ewwel taqsima, irreaġixxew tant tajjeb wara l-intervall.
Flavio Nazinho kiseb id-draw fit-58 minuta wara li kkonnettja ma’ cross ta’ Jordan Teze. Erbatax-il minuta wara, Stanis Idumbo skorja t-tieni goal ta’ Monaco b’xutt qawwi li għeleb lil Matvey Safonov.
Din kienet l-ewwel darba mill-2021 li PSG tilfu partita minkejja li kienu jgawdu l-vantaġġ fil-mistrieħ.
Monaco issa jinsabu fil-quċċata tal-klassifika b’rekord perfett, filwaqt li PSG niżlu fit-12-il post.




