It-tim Malti tas-snooker temm l-impenji tiegħu waqt l-edizzjoni ta’ din is-sena tal-International Challenge Cup li saret f’Youghal fir-Repubblika Irlandiża. F’dan l-aħħar jum ta’ din il-kompetizzjoni Malta kisbet riżultat identiku għal dak tal-ġurnata ta’ qabel fejn tlifna l-ewwel logħba kontra l-Irlanda ta’ Fuq iżda aktar tard wara nofsinhar it-tim Malti wettaq wirja mill-aktar pożittiva u rebaħ kontra r-Repubblika Irlandiża li ospitaw din l-edizzjoni.
Filgħodu t-tim Malti tilef bl-iskor ta’ 15-12 kontra l-Irlanda ta’ Fuq fejn l-aħjar riżultati tal-Maltin twettqu fil-kategorija tal-Masters. Philip Ciantar rebaħ 3-0 kontra Gregory Cooke filwaqt li France Mintoff u Ivan Attard għelbu lill-avversarji tagħhom 2-1, li kienu Ramie McAllister u Darren McGavigan rispettivament. Emanuel Mallia, f’din il-kategorija tilef kontra Paul Sweeney, 3-0.
Fil-kategorija tal-Irġiel, l-uniku rebbieħ għal Malta kien Alex Borg li rebaħ, 2-1, kontra Stephen Brady. It-tliet plejers l-oħra sfaw megħluba bl-istess punteġġ ta’ 2-1. Chris Peplow tilef kontra Anto Heaney, Joseph Casha kontra Brian Milne u John Farrugia kontra Shea Moore.
Fil-Juniors Xavier Rizzo tilef ma Shea McConville, 3-0. F’dan il-konfront bejn l-istess plejers fl-edizzjoni tas-sena l-oħra, Rizzo kien rebaħ bl-istess skor.
Wara nofsinhar it-tim Malti kellu wirja ferm tajba kontra r-Repubblika Irlandiża li ta’ min ifakkar li dejjem rebħu din il-kompetizzjoni f’darhom. Fil-kategorija tal-Masters, Malta ma tilfet l-ebda logħba u plejers Maltin rebħu l-erba’ logħbiet tagħhom, 2-1. Philip Ciantar għeleb lil Brendan Cooney, Ivan Attard lil James Bateman, Emanuel Mallia lil Brendan Thomas filwaqt li fl-aħħar logħba ta’ din l-edizzjoni France Mintoff rebaħ kontra Stephen Merrigan biex ikkonferma rebħa għal Malta bil-punteġġ ta’ 16 bi 11. B’hekk Mintoff rebaħ il-logħbiet kollha tiegħu matul din il-kompetizzjoni.

Fil-kategorija tal-Irġiel, Chris Peplow u Joseph Casha rebħu kontra Ross Bulman u Robert Murphy filwaqt li Alex Borg u John Farrugia kienu fuq in-naħa telliefa u ġej megħluba minn Daniel Merrigan u Michael Judge.
Iż-żagħżugħ Malti Xavier Rizzo kien ukoll fost ir-rebbieħa u għeleb lil Cathal Horgan. Inċidentalment il-punteġġi tad-disa’ logħbiet kontra r-Repubblika Irlandiża spiċċaw, 2-1.
B’dan ir-riżultati matul din kompetizzjoni Malta, bħas-sena l-oħra eżatt, rebħet total 56 frame però ġiet ikklassifikata fir-raba’ post bi frame wieħed biss anqas mir-Repubblika Irlandiża. Fl-aħjar jum kien evidenti li lis-Skozja kellha vantaġġ tajjeb u ser terġa tirbaħ dan l-unur. Fil-fatt id-distakk finali bejn l-ewwel tnejn kien dak ta’ 18-il punt, l-Skozja rebħet 79 frame filwaqt li l-Irlanda ta’ Fuq rebħet 61 frame. Franza temmet fil-ħames post u rebħet 17-il frame biss.
Waqt iċ-ċeremonja tal-egħluq reġa ġie kkonfermat li l-edizzjoni tal-I.C.C. tas-sena li ġejja ser tiġi organizzata f’Malta u ġie deċiż li d-dati jkunu fix-xahar Novembru, eżatt bħal meta ġiet ospitata f’pajjiżna fl-2024.




