Issa li għaddiet il-festa b’wiċċ il-ġid u b’suċċess kbir, l-Għaqda Mużikali Immakulata Kunċizzjoni tal-Ħamrun se tissokta bil-ħidma għall-attivita tas-47 sena anniversarju mit-twaqqif tagħha. Dan l-anniversarju ser jiġi ċċelebrat mal-istudenti u mal-għalliema fil-bidu tas-sena skolastika 2026/27.
Din l-attivita ser ssir nhar il-Ħadd 27 ta’ Settembru. Ser jingħata bidu b’quddiesa fid-9.30 a.m., fil-Knisja tal-Immakulata Kunċizzjoni, il-Ħamrun. Iqaddes il-Kanonku u direttur spiritwali Fr. Franco Fenech. Matul din il-quddiesa, ser jiġu mbierka l-istudenti, l-għalliema u Lse’s, kif ukoll il-basktijiet tal-iskola biex tingħata bidu għal sena skolastika ġdida bil-barka tal-Mulej.
Wara l-quddiesa, din l-attivita titkompla quddiem il-każin tal-Għaqda Mużikali Immakulata Kunċizzjoni fejn ser ikun segwit programm varjat b’kant, żfin, annimazzjoni minn karattri popolari mat-tfal fost oħrajn. Ser ikun hemm ukoll face painting, logħob, ikel u xorb u sezzjoni b’ informazzjoni mtella’ mid-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa. Ser tingħata tifkira tal-okkazzjoni lit-tfal li ser jattendu.
Bħala għaqda li tisħaq fuq l-inklussivita, mistiedna speċjali huma il-grupp ‘Kaluna’, taħt it-tmexxija ta’ Ms. Kamila Kokha. Dawn iż-żeffiena tfal se jferrħu lil dawk preżenti biż-żfin tagħhom.
Bħalissa għaddejja kampanja ta’ ġbir ta’ ikel li ma jitħassarx sabiex jingħata lill-familji Ukreni li qed jgħixu hawn Malta sabiex ikollhom ħajja aħjar. Min jixtieq jagħmel l-offerta tiegħu huwa ġentilment mitlub iwassal dan l-ikel il-każin tal-għaqda, fejn jitpoġġa f’kaxxa li hemm apposta fl-entratura quddiem in niċċa tal-Immakulata Kunċizzjoni. Wieħed jista’ jagħmel dan billi jikkuntattja lis-Sur Randolph Scerri jew is-Sur Josef Scerri fuq in-numru tal-mowbajl rispettivi tagħhom, 7900 0490 jew 9988 1876. Kull offerta hi apprezzata.
‘Ċelestini Kids & Youth Club’, il-moħħ wara din l-attivita, filwaqt li jawgura sena skolastika mill-aqwa, iħeġġeg lill-pubbliku Malti u Għawdxi sabiex jilqa’ l-istedina, ħalli flimkien niċċelebraw din l-attivita! Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur il-paġna ta’ Facebook fuq ‘Għaqda Mużikali Immakulata Kunċizzjoni Ħamrun – A. D. 1979’. Parking provdut mingħajr ħlas fl-ex Liceo, Ħamrun.


