Dik li kellha tkun ġurnata normali għall-ħaddiema tar-restorant popolari Red Lobster ġewwa Hollywood inbidlet f’waħda memorabbli u dan hekk kif waqt li dawn kienu għaddejjin bil-preparazzjoni qabel tiftaħ il-kċina, huma sabu li fil-kunsinna ta’ lobsters li kienu rċevew kien hemm wieħed ta’ lewn partikolari li qatt ma raw bħalu.
Dan il-lobster partikolari ġibed l-għajn tal-ħaddiema minħabba l-kulur oranġjo jgħajjat tiegħu, u fejn forsi f’restoranti oħrajn dan kien jinqatel u jissajjar, il-maniġer ta’ Red Lobster iddeċieda li jsejjaħ għall-għajnuna tal-esperti biex isiru jafu iktar dwar dan il-lobster partikolari. Huwa talab l-għajnuna ta’ Ripley’s Aquarium f’Myrtle Beach u dawn bagħtu żewġ esperti biex jaraw dan il-lobster. Malli marru fuq il-post l-esperti baqgħu mistagħġba meta raw din il-kreatura u identifikawha bħala lobster oranġjo li huwa rari immens tant li l-probabbiltà li tiltaqa’ ma’ wieħed minn dawn hija waħda minn 30 miljun!
Kien għalhekk li Mario Roque – il-maniġer ta’ Red Lobster – qabel li dan il-lobster, li ngħata l-isem ta’ Cheddar, jiġi salvat u jingħata l-protezzjoni li jixraqlu. Illum il-ġurnata Cheddar jinsab f’Ripley’s Aquarium fejn hemm qiegħed jingħata l-attenzjoni kollha li jixraqlu.