Friday, November 15, 2024

Logħob tal-Commonwealth: Charlotte Wingfield tgħaddi għas-semi-finali tal-200m

Aqra wkoll

L-atleta Maltija, Charlotte Wingfield, għaddiet għas-semi-finali tal-200m f’Alexander Stadium fejn qed issir l-atletika.

Wingfield tellqet fis-sitt heat tal-avveniment u spiċċat fir-raba’ post wara Natassha McDonald (Kanada) li rebħet fi 23.45 sekondi segwita minn Beyonce Defreitas (Ivory Coast) fi 23.99 u Taea Wisil (Papua New Guinea) f’24.42 bil-ħin ta’ Wingfield ikun ferm viċin, dak ta’ 24.47.

Tassew wirja ferm inkoraġġanti li ferrħet lill-kontinġent Malti li qed jieħu sehem fil-Logħob. Is-semi-finali se jsiru l-lejla.

Fil-lawn bowls it-team tal-Men’s Fours magħmul minn Peter John Ellul, Troy Lorimer, Mark Anthony Malogorski u Shaun Parnis, li qed jieħu sehem f’Sezzjoni A fl-Aħħar 32, nhar l-Erbgħa ġie megħlub 19-11 minn Jersey iżda wara għeleb lill-Afrika t’Isfel 19-15.

Fil-Ladies Pairs il-koppja aħwa Rebecca-Louise u Connie-Leigh Rixon tilfu ż-żewġ logħbiet tagħhom f’Sezzjoni A, l-ewwel 20-16 kontra l-Malasja u wara 22-15 kontra Cook Islands.

Iċ-ċiklista Ayden Buttigieg ħa sehem fit-Time Trial Individwali u spiċċa fit-38 post minn 54 li temmew it-tellieqa waqt li tlieta oħra ma daħlux.

Il-ħin ta’ Buttigieg kien ta’ 56:05.93 minuti bil-midalja tad-deheb tmur għand Rohan Dennis (Awstralja) f’46:21.24, il-fidda ħadha Fred Wright (Ingilterra) f’46:47.52 u l-bronż marret għand Geraint Thomas (Wales) f’46:49.73.

Samuel Cassar lagħab kontra Dumindu Abeywickrama ta’ Sri Lanka fl-Aħħar 32 tal-badminton, iżda ħareġ tellief 2-0 (21-12 u 22-20).

Fil-Mixed Doubles tal-isquash, Lijana u Kijan Sultana, tilfu 2-0 kontra George Kennedy u Patrick Rooney tal-Ingilterra (11-6, 11-10) u fil-Men’s Doubles, Colette Sultana u Nial Engerer kisbu rebħa u telfa fejn kontra Tesni Evans u Joel Makin ta’ Wales rebħu 2-1 (4-11, 11-8, 11-9) iżda kontra Julian Jervis u Cameron Stafford tal-Cayman Islands tilfu 2-0 (11-6, 11-2).

Ekonomija

Sport