Tuesday, April 23, 2024

UEFA Conference League: Hibernians iżommu ċ-ċansijiet ħajjin

Aqra wkoll

Rigas FS …………….1

Hibernians …….….1

Hibernians żammew iċ-ċansijiet tagħhom ħajjin li jikkwalifikaw għall-play-offs tal-UEFA Conference League meta barra minn xtutna spiċċaw fi draw ta’ 1-1 kontra Rigas FS minkejja li lagħbu bi player inqas għal aktar minn siegħa.

Il-Latvjani kellhom bidu qawwi fit-tentattiv li jfittxu goal kmieni u proprju fis-sitt minuta resqu viċin li jiftħu l-iskor meta Arturs Zjuzins għadda lejn Emerson Santana li dendel fuq Deniss Rakels bid-daqqa ta’ ras insidjuża tiegħu tiġi maqlugħa minn fuq il-linja fatali minn Ferdinando Apap.

Fl-10 minuta, Rigas rebħu free-kick meta Thaylor Aldama kkommetta foul fuq Santana f’tarf il-kaxxa iżda l-eżitu tiegħu ntemm f’corner. U mill-istess azzjoni tal-corner ix-xutt ta’ Ziga Lipuscek, li deher dieħel fix-xibka, ġie devjat f’corner ieħor biex il-Pawlisti ħelsuha ħafif.

Fit-22 minuta, waslet l-ewwel azzjoni min-naħa ta’ Hibernias meta Jurgen Degabriele venven kanunata minn tliet kwarti ta’ ground li għaddiet ftit ċentimetri fuq il-mimduda.

Fis-26 minuta, il-Pawlisti spiċċaw jilagħbu bi player inqas meta tkeċċa Thaylor Aldama għat-tieni karta safra għal protesti eċċessivi wara li Yunusa Muritala ġie ffawljat minn Petr Mares.

Mill-istess free-kick ta’ Gabriel Artiles, Rodolfo Soares kien għoddu ħasad lil kulħadd meta d-daqqa ta’ ras tiegħu għelbet lill-goalkeeper Pavels Steinbors u bl-għajta tal-goal, il-ballun għadda jħakkek ma’ sieq il-lasta.

Fit-33 minuta, kien imiss lil Dunstan Vella li ġiegħel lil Steinbors iwettaq l-isbaħ save tal-logħba biex evita goal ċert.

Iżda sitt minuti wara, Hibernians fetħu l-iskor meta mill-free-kick ta’ Degabriele, Ali Diakite xellef il-ballun bir-ras biex wasal għand l-istess DUNSTAN VELLA li xeħet fir-rokna tas-saqaf tax-xibka.

Fit-tielet minuta tal-ħin miżjud tal-ewwel taqsima, Andrej Ilic falla ċans tad-deheb li jikseb id-draw meta minn taħt il-lasti xeħet ferm għoli.   

Ħames minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima, il-goalkeeper Ibrahim Kone salva l-penalty mogħti minn Mares wara li Rodolfo Soares waqqa’ lil Santana fil-kaxxa.

Ir-ritmu tal-partita naqas drastikament hekk kif filwaqt li l-Pawlisti bdew jiddefendu l-goal vantaġġ mingħajr ma jku­nu avventurużi, il-logħob tal-Latvjani kien wieħed konfuż minkejja li gawdew mill-pussess tal-ballun.

Fit-80 minuta, Saric xeħet cross lejn il-lasti li sab li Kone attent għax seta’ ħasad lill-goalkeeper Pawlist. Ħames minuti wara, minn azzjoni ta’ throw-in ta’ Jatta, Panic kompla għan-nofs bir-ras biex daħal ANDREJ ILIC li xeħet fix-xibka.

Rigas FS.: 12-Pavels Steinbors, 3-Arturs Zjuzins (27-Vla­dislavs Fjodorovs 34) (21-Elvis Stuglis 75), 6-Alfusainey Jatta, 9-Emerson Santana, 10-Deniss Rakels (17-Cedric Kouadio 56), 19-Andrej Ilic, 24-Tomislav Saric, 25-Petr Mares, 28-Stefan Panic, 43-Ziga Lipuscek, 92-Vitalijs Jagodinskis – Coach: Victors Morozs

Hibernians: 24-Ibrahim Kone, 3-Ferdinando Apap (4-Soares Fonseca 89), 6-Gonzalo Llerena, 8-Jake Grech, 10-Jurgen Degab­riele (11-Bjorn Kristensen 83), 12-Dunstan Vella (7-Ayrton Attard 59), 18-Thaylor Aldama, 22-Gabriel Izquier Artiles, 23-Yunusa Muritala (9-Terence Groothusen 83), 42-Ali Diakite, 88-Rodolfo Soares – Coach: Andrea Pisanu

Referee: Genc Nuza (Kosovo)

Assistenti: Fatlum Berisha, Bujar Selimaj (Kosovo)

Raba’ Uffiċjal: Mervan Bejtullahu (Kosovo)

Skorers: D. Vella 39 (H); A. Ilic 85 (R)

Ammoniti: Thaylor, D. Vella, A. Diakite, R. Soares, J. Haber (minn fuq il-bank tas-sosituti) (H); A. Zjuzins, E. Santana, T. Saric (R)

Tkeċċa: Thaylor 26 (H)

Sport