Wednesday, April 24, 2024

L-IAEA: L-impjant nukleari ta’ Zaporizhzhia f’żona okkupata fl-Ukrjana jinsab bla kontroll

Aqra wkoll

Rafael Grossi, li huwa d-Direttur Ġenerali  tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti (IAEA), qal li l-impjant nukleari ta’ Zaporizhzhia – li jinsab f’żona okkupata mir-Russja ġewwa l-Ukrajna – huwa “kompletament bla kontroll”. Grossi qal li dan l-impjant għandu bżonn urġenti ta’ spezzjoni u anke tiswijiet filwaqt li tenna li f’dan l-impjant “qed isiru affarijiet li qatt m’għandhom isiru f’faċilità nukleari.” Dan huwa l-ikbar impjant nukleari fl-Ewropa u jinsab qrib ħafna tal-kunflitt li għaddej.

Iktar kmieni din il-ġimgħa, is-Segretarju tal-Istat Amerikan Antony Blinken akkuża lir-Russja li qiegħda tuża dan l-impjant bħala bażi militari minn fejn tkun tista’ wettaq l-attakki fuq il-forzi Ukreni. Ir-Russja kienet ħadet il-kontroll ta’ dan l-impjant f’Marzu li għadda. L-Ukrajna qiegħda tgħid li r-Russja stazzjonat truppi u anke qiegħda taħżen apparat militari ġewwa jew qrib ta’ dan l-impjant li jinsab maġenb ix-xmara Dnipro. 

Min-naħa l-oħra, l-uffiċjal Russu li kien ingħata l-kariga li jmexxi dan ir-reġjun, qal ma’ Reuters li l-forzi Ukreni qegħdin jużaw l-armi tal-Punent biex jattakkaw dan l-impjant. Yevgeny Balitsky qal li huwa lest li juri lill-IAEA kif ir-Russi qegħdin jipproteġu dan l-impjant filwaqt li l-Ukreni qegħdin jattakkawh. 

Ftit qabel ma r-Russi ħadu l-kontroll ta’ dan l-impjant, huma kienu wettqu numru ta’ bumbardamenti f’żoni qrib l-impjant u dan kien nissel biża’ kbir fost il-komunità internazzjonali hekk kif dan seta’ joħoloq diżastru nukleari kbir. Il-ħaddiema Ukreni li għandhom jaħdmu f’dan l-impjant qalu li dan għadu qiegħed jopera. 

Għall-kuntrarju ta’ dak li qiegħda tgħid ir-Russja, Grossi qal li, “is-sitwazzjoni hija fraġli ħafna. Kull prinċipju ta’ sigurtà nukleari b’xi mod jew ieħor ġie miksur u aħna mhux se nippermettu li dan ikompli.” 

L-IAEA qiegħda tipprova tibgħat tim ta’ esperti lejn dan l-impjant biex isiru l-osservazzjonijiet meħtieġa.

Sport