Saturday, December 21, 2024

Luca Vella jirbaħ il-kompetizzjoni tal-għawm Garmin Malta-Gozo-Malta

Aqra wkoll

Madwar 100 għawwiem gawdew minn kundizzjonijiet tat-temp kważi perfetti nhar is-Sibt li għadda fil-Kompetizzjonijiet tal-Għawm Garmin Malta-Gozo-Malta u Garmin Gozo-Malta. Il-kompetizzjonijiet li saru wara assenza ta ‘sena, laqgħu numru tajjeb ta’kompetituri lokali u internazzjonali.

Fit-tellieqa ta’ 11-il km Malta-Għawdex-Malta, Luca Vella ħa l-ewwel post b’ħin ta’ sagħtejn, 33 minuta, u sekonda. Iċ-Champion Nazzjonali tal-Open Water Swimming kurrenti, Vella huwa magħruf għad-dominanza tiegħu fix-xena lokali tal-għawm kompetittiv fil-baħar miftuħ. Dan kien l-ewwel tentattiv ta’ Vella f’din id-distanza. Huwa żamm distakk tajjeb fuq Ioannis Koumarelas li kiseb fit-tieni post u Bernard Farrugia li kiseb it-tielet post. Farrugia kiseb l-aħjar ħin personali tiegħu. Rosalia Segarra, l-unika kompetitur mara f’din il-kategorija, temmet it-tellieqa f’4 sigħat, 3 minuti, u 11-il sekonda.

It-tappa Għawdex-Malta ta’ 6km ġibdet kamp internazzjonali divers. Kategorija A – riservata għal għawwiema individwali mingħajr dgħajsa ta’ skorta – rat lil Jonathan Sammut joħroġ rebbieħ. Hu spiċċa f’siegħa, 33 minuta, u 54 sekonda. Huwa kien segwit mill-qrib minn John Scicluna, bi Blue Whittaker jassigura it-tielet post. Min-naħa tan-nisa, Nicola Lee kisbet l-ewwel post b’ħin ta’ siegħa, 40 minuta, u 19-il sekonda, segwita minn Lisa Hibberd u Lisa Mische Lawson.

It-tellieqa kellha żewġ kategoriji addizzjonali raw għawwiema akkumpanjati minn dgħajjes ta’ skorta jew dawk li jikkompetu bħala parti minn grupp b’dgħajsa ta’ skorta.

It-trofej lir-rebbieħa Overall u Gruppi tal-Eta ġew ippreżentati mis-Sur Mark Gaglione, rappreżentant ta’ Medcomms Ltd, aġenti tad-ditta Garmin f’Malta. “Soddisfatti ferm bil-parteċipazzjoni ta’ din is-sena. L-interess mill-għawwiema internazzjonali, li tkellmu tajjeb ħafna dwar l-avveniment, jawgura tajjeb għall-edizzjonijiet futuri,” irrimarka Euchar Camilleri, Segretarju Ġenerali ta’ Birkirkara St Joseph Sports Club. Huwa esprima wkoll gratitudni lis-Sur Gaglione għall-appoġġ kontinwu tiegħu.

Il-Klabb ta’ ħajr lil Transport Malta u lill-Forzi Armati ta’ Malta għall-kollaborazzjoni u l-appoġġ tagħhom biex l-avveniment ikun suċċess.

Ekonomija

Sport