Wednesday, October 9, 2024

Luca Vella jkompli jimpressjona u jikser rekord ieħor

Aqra wkoll

Fil-21 ta’ Settembru, Birkirkara St.Joseph Club organizza l-aħħar tellieqa tal-Open Water għal din is-sena 2024. Bħas-soltu kien hemm żewġt itlielaq li fiha wiehed seta’ jipparteċipa – waħda minn Għawdex ghal Malta (6-7km) u l-oħra minn Malta ghal Ghawdex u lura lejn Malta (11-12km). Din is-sena Luca Vella ddeċieda li jieħu sehem fit-tieni wahda sabiex ikollu sfida ftit ikbar minn tas-snin ta’ qabel. 

Huwa tana iktar dettalji:

“It-tellieqa bdiet mill-Marfa fis-sitta u kwart ta’ filgħodu meta kien għadu dlam cappa. Minkejja li mhijiex ħaġa tas-soltu għalija li ngħum fil-baħar fid-dlam għamilt kuraġġ u bdejt nagħmel il-warm up. 

Hekk kif tlaqna kont ikkonċentrat fuq id-distanza li kont se nagħmel u qgħadt attent li nżomm pass tajjeb biżżejjed biex ma naħlix l-enerġija fil-bidu imma fl-istess ħin nghum b’ritmu mgħaġġel. Dakinhar il-kundizzjoni tal-baħar kienet favorevoli u din għenet biex ikolli għawma pjaċevoli. 

Waqt l-għawma kelli dgħajsa li ggwidatni fir-rotta kif ukoll kelli ghajnuna minn familjari biex stajt nieħu xi supplimenti biex jgħinu jżommu il-livell tal-enerġija stabbli. 

Sakemm kont fil-bahar bdew ġejjin ħafna mistoqsijiet speċjalment meta tkun għadek m’għaddejtx l-ewwel nofs iżda minhabba l-ammont ta’ taħriġ li mdorri nagħmel ridt nagħmel minn kollox biex jirnexxieli nlesti t-tellieqa f’ħin iqsar. Malli qbiżt Kemmuna u ersaqt iktar lejn l-art bdejt nara l-finishing gantry kont naf li wasalt viċin u f’moħħi għidt ‘Isa Luca l-aħħar spinta, ma tantx fadallek x’taqdef, daqt lest’. 

Hekk kif wasalt sibt atmosfera sabiħa tistennieni fuq l-art u wara sagħtejn u 33 minuta ta’ għawm intensiv irnexxieli nilħaq il-mira li kelli ppjanata. Kien irnexxieli nikser ir-rekord nazzjonali għal din id-distanza!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport