Sunday, December 22, 2024

Luis Rubiales jirriżenja minn President tal-FA Spanjola

Aqra wkoll

Luis Rubiales irriżenja minn President tal-Fe­derazzjoni Spanjola tal-Football wara kritika qawwija talli bies lill-attakkant ta’ Spanja, Jenni Hermoso, fiċ-ċerimonja tal-preżentazzjoni tat-Tazza tad-Dinja wara li fil-finali għelbu lill-Ingilterra bl-iskor ta’ 1-0.

Hermoso ta’ 33 sena baqgħet tisħaq li dik l-bewsa ma kinitx kunsenswali u hija ressqet ilment legali nhar it-Tlieta li għadda.

Rubiales qal li kien issottometta r-riżenja tiegħu lill-aġent president tal-federazzjoni, Pedro Rocha.

“Ma nistax inkompli bil-ħidma tiegħi,” qal lill-media.

Rubiales,  li għandu 46 sena, irriżenja wkoll mill-kariga tiegħu ta’ Viċi President tal-kumitat eżekuttiv tal-UEFA.

Il-konsegwenzi tal-bewsa ħakmu l-football Spanjol fl-aħħar ġimgħat u għelbu lir-rebħa ta’ Spanja fit-Tazza tad-Dinja, b’Rubiales jinjora sej­ħiet ripetuti biex jirriżenja.

Nhar il-Ġimgħa, prosekutur ressaq ilment quddiem il-Qorti Għolja ta’ Spanja – wara x-xhieda ta’ Hermoso – kontra Rubiales għal dak li hu meqjus attakk sesswali.

Rubiales sostna li l-bewsa kienet “reċiproka u “kunsenswali” iżda huwa ġie wkoll sospiż provviżorjament mill-FIFA, eżattament għal 90 ġurnata. 

“Wara s-sospensjoni mposta mill-FIFA, flim­kien mal-kumplament tal-proċeduri miftuħa kontrija, huwa evidenti li mhux se nkun nista’ nerġa’ lura għall-pożizzjoni tiegħi,” inqrat l-istqarrija ta’ Rubiales.

“Irrealizzjat li jekk inkompli ninsisti, nistenna u nippersevera, ma jien se nikkontribwixxi għal xejn pożittiv … la għall-federazzjoni Spanjola u lanqas għall-football domestiku … għaldaqstant m’hemmx triq oħra.”

Ekonomija

Sport