Wednesday, April 24, 2024

Luzzu: film tajjeb Malti

Mario Azzopardi
Mario Azzopardi
Kritiku tal-Films

Aqra wkoll

Hi tipika ta’ meta s-soċjetà partikolarment dik Amerikana, tkun għaddejja minn mument ta’ tensjoni (bħal ma ġabet magħha il-pandemija tal-Covid-19), in-nies aktar jirrkorru għall-films tal-orrur.  Għaliex?  It-teorija hi li n-nies isibu faraġ li huma mhux f’sitwazzjoni daqstant ħażina daqs il-karattri fil-film li jkunu qed jaraw!

Għal ġimgħa oħra, il-film bl-akbar suċċess fil-box office Amerikana fi tmiem il-ġimgħa kien il-film tal-biża’ “Candyman”.  Dan hu sequel dirett għall-film li hawn Malta konna rajna f’Ġunju 1993 bl-istess isem, u li kien ispirat min-novella tal-1985, ‘The Forbidden’ ta’ Clive Barker.  Dik il-verżjoni meta ħarġet ma tantx kienet marret tajjeb mal-pubbliku imma fis-snin ta’ wara saret cult classic.  Il-verżjoni l-ġdida hi maħduma taħt id-direzzjoni ta’ Nia DaCosta u hemm aktar realiżmu fiha milli mit.  Jirritorna Tony Todd li kien il-Candyman oriġinali fil-film tas-snin disgħin.

Fl-ewwel tlitt ijiem, “Candyman” kellu dħul ta’ $22.37 miljun, li hi ċifra għola minn dik mistennija.  Dan sewa $25 miljun biex inħadem.  Barra l-Istati Uniti, “Candyman” ma tantx impressjona billi minn 51 pajjiż, kellu dħul ta’ $5.23 miljun.

“Free Guy” b’Ryan Reynolds niżel fit-tieni post filwaqt li l-film animat “Paw Patrol: The Movie” niżel fit-tielet post.  Fir-raba’ u fil-ħames post hemm “Jungle Cruise” u film ieħor tal-orrur, “Don’t Breathe 2”.

Luzzu

Fil-bidu ta’ din is-sena, kellna l-aħbar sabiħa li għall-ewwel darba film Malti kien qed jikkompeti fis-Sundance Film Festival.  Huwa festival prestiġjuż li jiżvolgi f’Salk Lake City fl-Istati Uniti, li jispeċjaliżża fil-wiri ta’ films indipendenti mhux maħduma minn kumpaniji kbar.  Il-film “Luzzu” maħdum taħt id-direzzjoni ta’ Alex Camilleri ma kienx sempliċi parteċipant imma ġab ukoll unur għal Jesmark Scicluna.  Dan l-attur rebaħ World Cinema Dramatic Special Jury Award for Acting.

Is-Senior Programmer tal-Festival, John Nein, iddeskriva l-film “Luzzu” bħala wieħed li ‘neorealistiku’ li “l-għeruq tiegħu huma kompletament fis-soċjetà kontemporanja”.  Ma naħsibx li nista’ niddeskrivi aħjar il-film “Luzzu”.

Ir-realiżmu joħroġ mill-fatt li Alex Camilleri għażel lis-sajjied Jesmark Scicluna biex jinterprita l-parti prinċipali.  Anke fil-film jismu Jesmark.  Huwa sajjied li beda familja, li jrid ta’ kuljum joħroġ bil-luzzu bejn sema u ilma biex jaqbad il-ħut u jaqla’ x’jiekol il-ħobża ta’ kuljum.  Il-ħajja ma tantx hi ħanina miegħu.  Il-qabda tal-ħut għal min hu b’luzzu tradizzjonali qegħda tinxef.  L-opra tal-baħar qed tagħmel l-ilma; it-tarbija Aidan mhix tikber kif suppost filwaqt li tiġri minn id għall-oħra biex martu Denise (Michela Farrugia) toħroġ taħdem.  Ir-relazzjoni mal-kunjata mhix waħda tajba.

L-għafsa fuq il-but iġiegħel lil Jesmark jibda jħares bnadi oħra, anke għall-ħidma mhix legali imma li tħallilu ntrojtu ferm akbar. 

In-narrattiva toħroġ ħafna punti tematiċi apparti din id-dilemma: kif is-sajd tradizzjonali qed ikun vittma tal-modernizzazzjoni; l-effetti tal-klima fuq is-sajd; id-deċiżjonijiet kultant pjuttost strambi li joħorġu mill-Unjoni Ewropea fejn il-pajjiżi żgħar bħal Malta huma żvantaġjati għalkemm fid-deher jidhru li ser jiggwadanjaw.  Skont il-film, f’Malta hawn skema mħaddma bi flus tal-Unjoni Ewropea li jagħtuk il-flus biex teqred il-luzzu!  Ħasra għall-sajjied bħal Jesmark li jara l-qerda tal-opra tal-baħar li għajjex lill-missieru u lil nannuh.

Għalkemm Jesmark Scicluna mhux attur professjonali, huwa juri ħila mpressjonanti kif jikkomunika bla kliem volumi sħaħ, fosthom in-niket li din is-sitwazzjoni qegħda ġġib.  Hemm mumenti ta’ dieqa li jamplifikaw dan: waħda minhom hi meta jaqbdu pixxispad u sieħbu jinsisti li minkejja li hu mejjet, iridu jerġgħu jarmuh il-baħar għax mhux żmien li tistad għalih.  Hu mument ta’ turment psikoloġiku u filosofiku għal dan is-sajjied.

“Luzzu” (Pellikola: 12) inħadem bis-sehem tal-Malta Film Fund.  Id-direttur Alex Camilleri qed jurina li għandu dawk il-kwalitajiet li jista’ jkompli javvanza f’din l-industrija.  Irrid insellem ukoll lil Oliver Mallia, Rebecca Anastasi u Ramin Bahrani li flimkien ma’ Alex Camilleri ipproduċew dan il-film.

“Luzzu” hu wieħed mill-films short-listed għall-European Film Awards ta’ din is-sena.

Sport