Tuesday, January 7, 2025

Ma jeskludix li jidħol għal avventura oħra jekk ikollu l-opportunità – Marcellino Bondin, ir-rebbieħ ta’ HazZzard – The Quest

Aqra wkoll

Marcellino Bondin kien iddikjarat ir-rebbieħ tat-12-il edizzjoni ta’ HazZzard – The Quest, li xxandret fuq TVM matul dan l-istaġun, u li għal dawn l-avventuri, bħall-edizzjonijiet preċedenti, HazZzard dejjem għażel destinazzjonijiet mill-isbaħ u ħa lill-parteċipanti fl-isbaħ postijiet madwar id-dinja.

F’din l-edizzjoni, il-parteċipanti marru fil-Mongolja, fil-kontinent Ażjatiku. Permezz t’hekk, mhux biss il-parteċipanti tpaxxew b’dak li raw, imma dawk it-telespettaturi li segwu dan il-programm għexu dan il-vjaġġ magħhom u komplew jitpaxxew b’xenarji panoramiċi u spettakolari.

Marcellino Bondin rebaħ l-edizzjoni ta’ din is-sea wara li ċ-ċavetta li kellu bin-numru 21, fetħet it-teżor, u li għalhekk tatu dan it-titlu fost l-istennija u l-eċitament ta’ ħafna minn dawk li kienu qed isegwu dan il-programm għal dawn l-aħħar ġimgħat fuq it-televiżjoni.

Meta ltqajna ma’ Marcellino xtaqna nkunu nafu l-emozzjonijiet li għadda minnhom wara li kiseb din ir-rebħa, u jekk fuq kollox kienx qatt qed jistenna li hu jkun ir-rebbieħ. Huwa wieġeb li ma kienx qed jaħseb li ser jirbaħ u anke li ma riedx li jittama u jibni tamiet foloz, biex imbagħad tispiċċa tħossok ħażin wara, u fil-fatt qal li “minn din l-avventura nnifisha ridt li nagħmel avventura. Tkun xi ħaġa extra f’ħajti u rnexxieli. Ninsab kuntent ħafna, u sal-lum-il ġurnata għadni ma nistax nemmen. Hija xi ħaġa sabiħa mmens li ġrat.”

Wieħed jista’ jimmaġina li l-ħajja fil-Mongolja hija differenti minn dik li aħna mdorrijin biha f’Malta, u Marcellino qasam magħna l-esperjenza tiegħu li jiddeskrivi “n-nies bħala rilassanti, jiġri x’jiġri għalihom ma jieħdu bi kbir xejn u jkomplu għaddejjin b’ħajjithom.” Ikompli jgħid li l-ħajja hemmhekk hija differenti immens, fejn in-nies huma “kalmi, la tarahom jiġġieldu, kienu jiġru affarijiet fejn ikollhom għalfejn jiġġieldu ma’ xulxin, iżda huma xejn, litteralment għandhom ħajja sempliċi ħafna, u meta mill-ħajja tipprova tħalli s-sempliċi toħroġ in-naturalità tagħha.”

Ma ninsewx li din il-kompetizzjoni titlob lill-parteċipanti li jaħdmu fi grupp, u għalhekk bla ma trid ser tinġibed lejn xi karattri aktar minn oħrajn. Dak li ġara wkoll din is-sena f’din l-edizzjoni tal-programm, fejn jinbtu xi ħbiberiji ġodda. Marcellino l-aktar li ngwalaha kien ma’ Catherine, għax ħass li għandha karattru li hu vera simili għal ta’ xulxin. Matul din l-intervista Marcellino ddeskriva lil Catherine bħala “matura, ma tħobbx tiftaħar b’dak li tagħmel, u meta tarak naqra ħażin, tiġi tkellmek, u ċertu pariri li tagħtik tidher kemm hija perunsa intelliġenti, tkun diġà qisha hi stess għaddiet minn ċertu affarijiet u tagħtik parir tajjeb.” Semma wkoll lil Kevin, li “jagħmel minn kollox biex idaħħkek, meta jkollu xi ħaġa għid li se jaqsamha miegħek.” Ħaġa ħelwa li ġrat matul dan il-programm hi li Marcellino jħobb l-ikel u jħobb inaqqar ħafna, u dawn il-parteċipanti li semma, Kevin u Catherine, meta kien ikollhom xi ħaġa tal-ikel jew tnaqqir kienu lesti li jiċċaħħdu huma u jagħtuha lil Marcellino, fosthom Kevin darba kellu pakkett gallettini u mar fuqu u qallu “ħa ħudhom inti għax inti għandek iktar bżonnhom.” Dan juri li programm bħal dan minnu jinbtu ħbiberiji speċjali li jkomplu anke jissaħħew matul l-avventura.

Dan il-programm jista’ jseħħ ladarba jkun hemm is-sapport anke min-naħa tat-tim tal-produzzjoni, li għen ħafna lill-parteċipanti matul il-ġbid ta’ din l-avventura. Skont Marcellino meta kien hemm affarijiet li kienu jeħtieġu, fosthom meta kien ġralhom l-aċċident, it-tim bdew iċemplu ’l hemm u ’l hawn biex jagħtuhom l-ewwel għajnuna.” U għalkemm kien hemm il-problema tal-lingwa, “dejjem raw kif għamlu mill-aħjar li setgħu, anke meta konna l-isptar, ħarġu mall-ewwel biex iġibulna l-ikel, sabulna post fejn ngħixu, u meta rawna għajjenin ħallewna norqdu qabel morna niltaqgħu mal-oħrajn.” Marcellino huwa grat ħafna għas-sapport li sab min-naħa tat-tim tal-produzzjoni biex jittella’ dan il-programm.

Dan iżda ma żammhomx milli jkomplu jimxu mar-regoli tal-programm, u meta eżempju darba minnhom kienu nsew l-ikel warajhom, dawn ma tħallewx imorru għalih, għax fl-aħħar mill-aħħar il-parteċipanti marru hemmhekk għal sfidi u jistennew li ser ikollhom mumenti ta’ diffikultajiet.

Wieħed jistaqsi wkoll meta tkun għamilt esperjenza bħal din, li naturalment ser toffri anke sfidi u diffikultajet kbar, ikollok terġa’ tagħmilha, jekk terġax tidħol għal avventura oħra. Marcellino bla tlaqliq wieġeb li iva; “diġà nħossni kuntent li għamiltha darba, u naħseb li esperjenza darba f’għomrok trid tagħmilha żgur, għax tibda tara d-dinja mod ieħor. Anke l-fatt li tkun ’il bogħod mill-familja tiegħek u mill-ħajja normali tiegħek, tibda timmissjahom.” Dan għaliex hija esperjenza li hija differenti mill-ħajja tiegħek ta’ kuljum, u “xi kultant tinsa l-importanza ta’ ċertu affarijiet li nieħdu for granted, speċjalment wara l-inċident bdejt inħossni home sick u hemm vera xtaqt lil xi ħadd mill-familja biex jikkomfortani.” Iżda għalkemm qalilna li mhux pjanat esperjenza bħal din fil-viċin, għax għandu pjanijiet ta’ safar oħrajn, ma jeskludix li xi darba jerġa’ jidħol għal xi avventura oħra jekk jerġa’ jkollu opportunità oħra.  

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport