Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Jiena bdejt nilgħab il-futbol fl-età ta’ 12-il sena. Bħala xogħol kont naħdem ġo razzett minn età żgħira biex ikolli dħul ta’ flus għax jiena kont ġej minn familja fqira. Imma z-ziju tiegħi kien dejjem imur jilgħab il-futbol ma’ sħabu fi tmiem il-ġimgħa u kien ħajjarni. Jiena bdejt nilgħab minn dak iż-żmien u bdejt ninteressa ruħi fil-futbol. Niftakar l-aktar li kont immur kien għax kienu jqassmulna l-pizza wara kull logħba. B’hekk imbagħad ta’ tlettax-il sena tlaqt mid-dar għalkollox u bdejt nilgħab il-futbol.
Kif imbagħad spiċċajt tilgħab f’Malta?
Smajt dwar Malta minn eks plejer Brażiljan li kien jilgħab ma’ tim fil-Kampjonat Premier. Jien dak iż-żmien kont qed nilgħab ma’ tim fin-naħa ta’ fuq tal-Brażil, u ddeċidejt li nitlaq minn pajjiżi u niġi fl-Ewropa fejn inkun miftuħ għal aktar opportunitajiet.
Iddeskrivi l-esperjenza tal-passat tiegħek ma’ Hibernians FC, Floriana FC, Senglea Athletic FC u Gzira United FC.
Għandi biss memorji sbieħ ma’ kull tim li jiena lgħabt miegħu hawn Malta. Dejjem irnexxielna niksbu riżultati tajbin għall-klabbs li kont magħhom; minn rebħ ta’ ligs, għal promozzjoni f’rounds f’logħob fl-Ewropa u li nikkwalifikaw ma’ timijiet tajbin fil-Premier league. Iltqajt ma’ ħafna plejers oħrajn li saru daqslikieku l-familja tiegħi, u wkoll ma’ kowċis li minnhom tgħallimt ħafna.
Kif qed tħares lejn l-esperjenza ġdida tiegħek ma’ St Andrews FC?
Ninsab ħafna ħerqan li nilgħab ma’ dan it-tim li hu vera organizzat. Minkejja li nżilt livell bħala diviżjoni tal-futbol Malti, għandi għatx kbir li nibqa’ nilgħab, li nikseb u nikkontribwixxi għas-suċċess totali tat-tim.
Kif qed tara l-livell tal-futbol f’Malta bħalissa u kif tara li nbidel matul iż-żmien?
Sfortunatament, matul iż-żmien ma tantx rajt li l-livell tal-futbol f’Malta tjieb. Meta kont wasalt hawnhekk konna erba’ barranin, u konna sibna kwalità aħjar, iktar determinazzjoni fil-grawnd, u flimkien ma’ dawk Maltin konna naraw opponenti aktar b’saħħithom fil-grawnd.
Jiena nħoss li l-kwalità, aktar milli l-kwantità tal-plejers barranin, kowċing aktar b’saħħtu (‘grassroots’), u wkoll kwalità aħjar ta’ set-up professjonali jikkontribwixxi għal titjib fil-futbol lokali.
X’inhi l-opinjoni tiegħek fuq ir-riżorsi (grawnds) fejn isir it-taħriġ u biex tilgħab il-futbol b’mod kompetittiv?
Dejjem hemm bżonn li jsir titjib fejn jidħlu l-faċilitajiet, għalkemm hemm ħafna grawnds, iżda biex issib grawnd tajjeb huwa ferm diffiċli hawn Malta. Iżda wieħed tajjeb li jsemmi li meta xi ħadd ikollu bżonn rijabilitazzjoni, fisjoterapija jew xi trattament, it-timijiet issa huma aktar attrezzati minn qabel.
Għaddi messaġġ finali lil dawk li wkoll jixtiequ jagħmlu karriera fil-futbol.
Ma jistax ikollok talent mingħajr ma taħdem qatigħ! Jekk plejer żagħżugħ jixtieq li jasal xi mkien u jikseb xi ħaġa, hemm bżonn li jkun konsistenti, jaħdem, jagħmel sagrifiċċji u jibqa’ ffukat!