Se jkunu Valletta St Paul’s u San Ġiljan Saints li se jikkontestaw il-finali tan-Next Auto Car Sales Ltd MAFA KO.
Il-holders Valletta St Paul’s għelbu lil Senglea Gunners 4-1 f’logħba li huma ddominaw speċjalment fl-ewwel taqsima. Fil-fatt il-Beltin skorjaw erba’ gowls mingħajr risposta u kien biss fit-tieni taqsima li t-tim mill-Isla naqqas il-marġni tal-iskor.
Elton Da Silva poġġa lill-Beltin minn fuq wara biss ħames minuti sabiex Matthew Cassar għamilhom 2-0 fit-18-il minuta wara daqqa ta’ ras.
L-iskor sar 3-0 u kien l-istess Elton da Silva li għaqqad doppjetta personali b’Sebastian Morales li għamilhom erbgħa.
Fit-tieni taqsima, il-Beltin irrilassaw xi ftit u dan ippermetta lil Senglea jiskorjaw il-gowl ta’ konsolazzjoni grazzi għal Moses Nwankwo fis-56 minuta.
Referee kien Darko Stankovic.
San Ġiljan Saints kellhom imorru għall-ħin barrani sabiex eliminaw lil Ta’ Ġiorni Wanderers 2-1. Dawn tal-aħħar kienu minuta ‘l bogħod milli jiksbu kwalifikazzjoni storika meta kienu qed jirbħu 1-0 bil-Ġiljaniżi li skorjaw il-gowl drammatiku tad-draw li ħa l-logħba fil-ħin barrani u li minnu huma ħadu r-rebħa finali.
Awtogowl ta’ Radu Vlase poġġa lil Ta’ Ġiorni minn fuq fit-42 minuta sabiex minuta qabel tmiem il-partita Niall Dorman ġab l-iskor indaqs għas-Saints.
Aktar qabel, is-Saints kellhom iċ-ċans li jġibu d-draw meta ngħataw penalty li ngħata minn Aleks Delectic li ra x-xutt mill-11-il metru salvat mill-goalkeeper bravu Josef Spiteri.
Bil-logħba tmur għall-ħin barrani, San Ġiljan skorjaw dak li kellu jkun il-gowl tar-rebħa bi ġmiel ta’ freekick ta’ Ethan Goodman li ħasad lil Spiteri.
Referee kien Ray Tabone.
Il-finali bejn Valletta St Paul’s u San Ġiljan Saints se tintlagħab nhar il-Ħamis li ġej fis-7.30pm fil-grawnd ta’ Marsaxlokk.