Għaxaq Wolves ġew inkurunati champions tal-Ewwel Diviżjoni tal-MAFA wara l-logħba li lagħbu kontra ċ-champions tal-istaġun li għadda Valletta St Paul’s li huma rebħu 4-2.
Kienet ġurnata ta’ ċelebrazzjoni għall-plejers, diriġenti u partitarji ta’ Għaxaq li wettqu rekord partikolari wara li baqgħu telgħin mit-tielet diviżjoni u rebħu kull kategorija li teżisti fil-MAFA sena wara l-oħra.
Fit-tieni diviżjoni kellna konferma oħra bil-promozzjoni ta’ Senglea Gunners hekk kif ir-rivali tagħhom Birżebbuġa St Peter’s AFC tilfu kontra Attard Edex Kings.
Fit-tielet diviżjoni, Swieqi United AFC ġew ippremjati bit-titlu ta’ champions wara l-aħħar konfront tagħhom kontra St Paul’s Bay NMFC.
L-EWWEL DIVIŻJONI
Għaxaq Wolves – Valletta St Paul’s 4-2
Għaxaq Wolves għelbu lil Valletta St Paul’s 4-2 fl-aħħar partita tagħhom tal-kampjonat.
L-Għaxqin ħarġu aggressivi u marru minn fuq permezz ta’ Diego Fernando Pereira li b’xutt b’saħħtu għeleb lil Valentin. L-istess plejer għamilhom 2-0 wara kontrattakk veloċi.
Fl-14-il minuta Valletta naqqsu l-marġni tal-iskor meta wara azzjoni ta’ corner, kien Shiro Luengas li bir-ras għeleb lil Alejandro sabiex fit-22 minuta, Elton da Silva ikkonverta penalty għal skor ta’ 2-2.
Għaxaq reġgħu marru minn fuq fis-27 minuta permezz ta’ Julian Said Capacho li ħasad lil Valentin b’xutt tal-istampi.
Fit-tieni taqsima, Għaxaq Wolves issiġġillaw ir-rebħa b’gowl ta’ Willy Henrique.
Fi tmiem il-konfront setgħu jibdew iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Għaxaq meta l-viċi-president tal-MFA Adrian Cashafil-preżenza tas-segretarju tal-MAFA David Abdilla ippreżenta t-tazza lill-captain ta’ Għaxaq Wolves Josef Felice.
Referee kien Peter Abela.
Ta’ Ġiorni Wanderers – Mqabba Albions 3-0
Ta’ Ġiorni Wanderers u Mqabba Albions sellmu l-ogħla diviżjoni tal-MAFA wara staġun biss mal-kbar hekk kif ġew relegati. Kienu tal-ewwel li rebħu din il-partita bl-iskor ta’ 3-0.
Francesco Marra kien il-protagonista għal Ta’ Ġiorni meta skorja doppjetta filwaqt li aktar qabel, Simon Plajner Akos kien poġġihom fil-vantaġġ.
Referee kien Jean Pierre Mifsud.
IT-TIENI DIVIŻJONI
Attard Edex Kings – Birżebbuġa St Peter’s AFC 3-2
Birżebbuġa St Peter’s AFC tilfu l-opportunita’ li jissieltu għall-promozzjoni wara li tilfu 3-2 kontra Attard Edex Kings. Dan ir-riżultat kien ifisser li Senglea Gunners ġew promossi minflokhom għall-Ewwel Diviżjoni.
Attard ma kellhom l-ebda pressjoni għal din il-partita u kisbu tliet punti li bihom spiċċaw fir-raba’ post tal-klassifika.
Kien Oussama Boutayeb li poġġa lil Birżebbuġa minn fuq fil-21 minuta sabiex fit-tieni taqsima, Attard dawru l-iskor favurihom wara gowls ta’ Fayis Parambath, Ali Oularbi u Fayis Ceethintuauida. Għalxejn kien il-gowl ta’ Tyron Kavanagh għal Birżebbuġa.
Referee kien Lorry Sammut.
IT-TIELET DIVIŻJONI
St Paul’s Bay NMFC – Swieqi United AFC 1-2
Swieqi United temmew l-impenji tagħhom fit-tielet diviżjoni b’rebħa ta’ 2-1 kontra St Paul’s Bay NMFC proprju fil-ġurnata tal-premjazzjoni bħala champions.
Minkejja kollox, kienu St Paul’s Bay NMFC li marru minn fuq permezz ta’ Bishal Khawash sabiex fit-tieni taqsima, Swieqi dawru l-iskor favurihom b’gowls ta’ Prav Maheshwari u David Taiwoo Akindelle b’dan tal-aħħar li spiċċa bħala l-aqwa skorer tal-kampjonat bi 12-il gowl.
Referee kien Jonathan Balzan.
KLASSIFIKA – MAFA L-EWWEL DIVIŻJONI
Għaxaq Wolves 37, Marsa St Michael’s, Valletta St Paul’s 28, Balluta Barracudas 27, San Ġiljan Saints 18, San Ġwann Pro Evolution 12, Ta’ Ġiorni Wanderers 7, Mqabba Albions 0.
KLASSIFIKA – MAFA IT-TIENI DIVIŻJONI
Valletta Stars St Dominic 28, Senglea Gunners 22, Birzebbuġa St Peter’s AFC 20, Attard Edex Kings 19, Żebbuġ Youngsters 13, Ħamrun Amateurs 9, Gudja Wanderers 6, Ħal Far Titans 0.
KLASSIFIKA – MAFA IT-TIELET DIVIŻJONI
Swieqi United AFC 30, Qajjenza AFC 15, Naxxar Victorians 13, St Paul’s Bay NMFC 11, Mosta Vikings 5.