Il-logħba kontroversjali bejn l-Irlanda u Iżrael fil-UEFA Nations League bdiet b’ġest simboliku qawwi, hekk kif il-players taż-żewġ naħat ma ħadux b’id xulxin qabel il-bidu tal-partita. Il-players Irlandiżi niżżlu rashom waqt l-innu nazzjonali ta’ Iżrael u mbagħad irritornaw lejn iż-żona teknika tagħhom.
Il-captains Dara O’Shea u Manor Solomon ħadu b’idejn l-uffiċjali tal-logħba iżda evitaw lil xulxin.
L-Irlanda lagħbu wkoll b’faxex suwed ma’ dirgħajhom, li skont l-FA Irlandiża kienu b’tifkira tal-ħajjiet kollha mitlufa fil-kunflitt f’Gaża.

L-Irlanda kienu mingħajr il-goalkeeper Gavin Bazunu, li ddeċieda li ma jipparteċipax fil-logħba minħabba l-konvinzjonijiet personali tiegħu. Bazunu qal li ma setax jipparteċipa kontra Iżrael minħabba t-twemmin tiegħu li l-qtil ta’ nies innoċenti huwa ħażin, filwaqt li saħaq li l-pożizzjoni tiegħu mhijiex kontra l-poplu Iżraeljan jew il-komunità Lhudija.
Qabel il-logħba kien hemm ukoll inċertezza dwar jekk il-partita kinitx se tintlagħab, wara li players oħra kkunsidraw bojkott. Madankollu, wara votazzjoni interna, il-maġġoranza tal-players qablet li l-logħba kellha tintlagħab.
L-FAI kkonfermat ukoll li l-konfront li jmiss bejn iż-żewġ timijiet, fl-4 ta’ Ottubru, se jintlagħab.





