Tuesday, April 1, 2025

MAFA: Għaxaq Wolves viċin ir-rebħ tat-titlu

Aqra wkoll

Għaxaq Wolves jinsabu ferm viċin li jirbħu l-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni tal-MAFA meta għelbu lil Ta’ Ġiorni Wanderers 3-0. Fl-istess, ir-rivali għat-titlu Valletta St Paul’s wettqu nofs pass falz ieħor hekk kif setgħu jispiċċaw biss fi draw ta’ 1-1 kontra San Ġiljan Saints.

Fit-tieni diviżjoni, Valletta Stars St Dominic huma virtwalment champions bi Swieqi United AFC li rebħu l-kampjonat tat-tielet diviżjoni.

L-Ewwel Diviżjoni

Għaxaq Wolves – Ta’ Ġiorni Wanderers 3-0

Għaxaq Wolves jinsabu ferm viċin li jirbħu t-titlu meta ftit sabu diffikulta’ sabiex jegħlbu lil Ta’ Ġiorni Wanderers 3-0.

Wara li l-Wolves kienu diġa’ 1-0 minn fuq, huma amministraw sew it-tieni taqsima filwaqt li skorjaw żewġ gowls oħra. Barra minn hekk, wara l-aħħar riżultati tat-timijiet oħra, huma fetħu vantaġġ ta’ sitt punti fil-quċċata.

Kien Alan Fernando Goncalves Cloth li poġġihom minn fuq fil-25 minuta sabiex fit-tieni taqsima, Sebastian Nayar għamilhom 2-0 b’Marinko Solarevic li ssiġġilla r-rebħa fl-aħħar minuta tal-logħba.

Dan ir-riżultat kien ifisser ukoll li Ta’ Ġiorni Wanderers ġew relegati għat-tieni diviżjoni flimkien ma’ Mqabba Albions.

Referee kien Paul Apap.

San Ġiljan Saints – Valletta St Paul’s 1-1

Iċ-champions Valletta St Paul’s naqsu milli jiksbu l-punti massimi għat-tieni darba konsekuttiva wara li setgħu jiġu biss fi draw ta’ 1-1 kontra San Ġiljan Saints. Dan ir-riżultat xejn ma niżel tajjeb mal-Beltin li issa jinsabu sitt punti bogħod mil-leaders Għaxaq Wolves.

Għal San Ġiljan dan kien it-tielet riżultat pożittiv wara l-ieħor. Huma marru minn fuq fil-35 minuta permezz ta’ Robert Veskimae sabiex kmieni fit-tieni taqsima, Ousman Jallow ġab l-iskor indaqs għall-Beltin.
Referee kien Gordon Barbara.

It-Tieni Diviżjoni

FC Ħamrun Amateurs – Valletta Stars St Dominic 0-1

Gowl fl-aħħar minuti tal-logħba ta’ Federico Marine Tejada ta tliet punti importanti lil Valletta Stars St Dominic li għelbu lil FC Ħamrun Amateurs.

Kienet logħba fejn l-Istilel Beltin iddettaw il-logħob iżda b’Ħamrun li ddefendew b’mod dixxiplinat ferm sabiex eventwalment kellhom iċedu fl-aħħar.

B’dan ir-riżultat, Valletta Stars St Dominic huma virtwalment champions tat-tieni diviżjoni apparti li ġew promossi wara staġun wieħed biss.

Referee kien Sillah Alhansana.

It-Tielet Diviżjoni

Mosta Vikings – Swieqi United AFC 1-2

Swieqi United AFC huma matematikament champions tat-tielet diviżjoni wara li għelbu lil Mosta Vikings 2-1.

Swieqi għamlu l-intenzjonijiet tagħhom ċari sa mill-bidu u marru minn fuq fis-7 minuta permezz ta’ awtogowl ta’ Hyachinte Seka sabiex Andres Yumis Palacios għamilhom 2-0.

Kmieni fit-tieni taqsima, il-Vikings naqqsu l-marġni tal-iskor minn Romario Hajdari.

Referee kien Peter Abela.

KLASSIFIKA – MAFA L-EWWEL DIVIŻJONI

Għaxaq Wolves 31, Marsa St Michael’s, Valletta St Paul’s 25, Balluta Barracudas 21, San Ġiljan Saints 15, San Ġwann Pro Evolution 12, Ta’ Ġiorni Wanderers 4, Mqabba Albions 0.

KLASSIFIKA – MAFA IT-TIENI DIVIŻJONI

Valletta Stars St Dominic 27, Birzebbuġa St Peter’s AFC, Senglea Gunners 16, Attard Edex Kings 15, Żebbuġ Youngsters 13, Ħamrun Amateurs 8, Gudja Wanderers 6, Ħal Far Titans 0.

KLASSIFIKA – MAFA IT-TIELET DIVIŻJONI

Swieqi United AFC 26, Qajjenza AFC 14, St Paul’s Bay NMFC 10, Naxxar Victorians 9 Mosta Vikings 3.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport