Sunday, November 24, 2024

MAFA: Il-Holders Valletta St Paul’s javvanzaw għall-kwarti tal-finali wara rebħa fuq Marsa St Michael

Aqra wkoll

Il-holders tan-Next Auto Car Sales Ltd Valletta St Paul’s għelbu lir-rivali antiki Marsa St Michael 2-1 sabiex avvanzaw għall-kwarti tal-finali ta’ din il-kompetizzjoni.

Il-Beltin sabu ruħhom minn taħt wara biss 14-il minuta iżda kienu kapaċi jdawru l-iskor favurihom b’gowl f’kull taqsima.

Kenneth Ekezie poġġa lill-Marsin minn fuq sabiex fit-tieni taqsima, Vito Fernandez ġab l-iskor indaqs għal Valletta St Paul’s filwaqt li l-eks tal-partita Samuel Dickson aċċerta l-kwalifikazzjoni għat-tim tiegħu.

Referee kien Alex Grech.

Il-finalisti tas-sena l-oħra San Ġiljan Saints kisbu l-ikbar rebħa tal-ġurnata meta ġabu fix-xejn lil Mosta Vikings filwaqt li rebħulhom 8-0.

Il-Ġiljaniżi kienu kmandi sa mill-bidu bil-Mostin li sabuha difiċli ħafna jwaqqfu l-furja tal-avversarji tagħhom.

Il-plejer il-ġdid tas-Saints Artsiom Prykhodzka skorja tliet gowls, Marcus Crowther u Mamadou Jawo għaqqdu doppjetta personali filwaqt li Felix Mack ukoll niżżel ismu fost l-iskorers.

Referee kien Lorry Sammut.

Żebbuġ Youngsters xejn ma sabuha faċli sabiex jegħlbu l-isfida iebsa li offrewlhom il-leaders tal-kampjonat tat-tielet diviżjoni Ħal Far Titans għalkemm fl-aħħar mill-aħħar rebħu 2-0.

Dale Valletta poġġihom minn fuq wara 20 minuta logħob sabiex tliet minuti minn tmiem il-logħba Luke Bezzina aċċerta l-kwalifikazzjoni għaż-Żebbuġin.

Referee kien Gjorgji Bitri.

San Ġwann Pro Evolution ħallew għat-tieni taqsima sabiex rebħu lil Attard Edex Kings 2-0.

L-eroj tal-istudenti Franċiżi kien Lilian Robin li skorja doppjetta li biha t-tim tiegħu qata’ biljett għall-fażi tal-aħħar tmienja.

Referee kien Reno Galea.

Ta’ Ġiorni Wanderers kellhom imorru għall-għoti tal-penalties sabiex għelbu l-isfida denja li tawhom Valletta Stars St Dominic. Wara li l-iskor intemm 1-1 sa tmiem is-70 minuta, kellhom ikunu l-penalties li ssiġġilaw ir-rebħa ta’ 3-2.

Aktar qabel, Matthew Farrugia kien poġġa lil Ta’ Ġiorni minn fuq sabiex Klajdi Qose kien ġab l-iskor indaqs għall-Beltin.

Referee kien Saviour Brignone.

Senglea Gunners għelbu lit-tim mit-tieni diviżjoni Birkirkara St Joseph 3-0.

Is-Sengleani kkontrollaw il-partita mill-bidu sal-aħħar u wara li Juan Zarate poġġihom fil-vantaġġ fit-33 minuta, Aron Selam irdoppja fis-56 minuta b’Zarate jgħaqqad doppjetta personali bit-tielet gowl ħames minuti minn tmiem il-konfront.

Referee kien Stefan Minic.

Sport