Monday, January 24, 2022

Aġġornat: Aidan Bartolo arrestat wara tfittxija intensiva u delikata

Aqra wkoll

7:30a.m.: Aidan Bartolo, ir-raġel li lbieraħ kien imfittex mill-pulizija, ġie arrestat ftit wara nofsilejl wara tfittxija intensiva u delikata. Huwa nstab mistoħbi qalb il-ħaxix għoli u siġar fl-akwati tal-Miżieb. 

F’din it-tfittxija ħadu sehem pulizija minn diversi taqsimiet, fosthom l-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga u l-Iskwadra tar-Reati Vjolenti fi ħdan id-Dipartiment tar-Reati Maġġuri, l-Ispecial Intervention Unit, Rapid Intervention Unit u t-Taqsima tal-Klieb. 

Bħala prekawzjoni Bartolo ttieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza, hekk kif kien qed isofri minn xi ġrieħi. 

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija b’rabta ma’ dan il-każ għadhom għaddejjin, filwaqt li inħatret inkjesta maġisterijali mmexxiha minn Dr Leonard Caruana. 

10:00 p.m: Il-Pulizija qiegħda ġentilment titlob lill-pubbliku biex jgħinha fit-tfittxija għal Aidan Bartolo b’rabta mal-każ li seħħ illejla fil-Mellieħa.

Kull min għandu kwalunkwè tip ta’ informazzjoni dwar din il-persuna huwa ġentilmentmitlub jagħmel kuntatt mal-Pulizija, anke b’mod anonimu, permezz ta’ messenger jew fuq il-linji 21224001 / 119 u jiġi kkwotat in-numru 7/2021.

9:30 p.m: L-aggressur imfittex ħarab jiġri wara li intenzjonalment saq għal fuq il-Pulizija

Il-Pulizija tinsab għaddejja bi tfittxija għal raġel li aktar kmieni għall-ħabta tas-5:45 p.m naqas milli jsegwi l-istruzzjonijiet tal-Pulizija fl-inħawi tal-bypass tal-Mellieħa.

Il-Pulizija  għaddejja tfittxija għall-allegat aggressur, li saħansitra jidher li saq għall-fuq il-Pulizija meta dawn tal-aħħar segwewh f’vann iswed tal-għamla SUV.

Kif ġara hekk il-Pulizija kellha tispara tiri f’tentattiv biex twaqqfu milli jaħrab, iżda huwa rnexxielu jaħrab jiġri lejn il-Miżieb.

Kelliem għall-Pulizija kkonferma li t-tfittxija tinsab għaddejja fl-inħawi, b’numru ta’ uffiċjali mifruxin fl-għelieqi tal-madwar u huwa mifhum ukoll li jgħin fit-tfittxija hemm ukoll ħelikopter tal-Forzi Armati ta’ Malta.

Fil-post issejjaħ ukoll tim mediku mill-Isptar Mater Dei u ambulanzi li marru fuq il-post biex jassistu f’din l-operazzjoni.

Qiegħed ikun irrapurtat ukoll li l-Pulizija kienet ilha għal dawn l-aħħar jiem issegwi lill-aggressur li allegatament huwa involut f’ċirku ta’ kriminalità organizzata b’rabta ma’ traffikar ta’ droga.

Sport