Wednesday, July 24, 2024

MAFA: Il-holders Valletta St Paul’s javvanzaw għas-semi-finali

Aqra wkoll

Il-holders Valletta St Paul’s għaddew għas-sem-ifinali tan-Next Auto Car Sales MAFA KO wara li għelbu lit-tim tat-tieni diviżjoni Żebbuġ Youngsters 5-2.

Minkejja d-differenza fil-kategorija, iż-Żebbuġin taw logħba lill-Beltin li minkejja kollox urew l-esperjenza tagħhom f’dawn it-tip ta’ kompetizzjonijiet u ħarġu rebbieħa.

L-aqwa skorer tal-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni Elton Da Silva u Sebastian Morales skorjaw żewġ gowls kull wieħed b’Roberty Felix iżid ieħor għall-Beltin.

Sean Lanzon u Tijane Sowe naqqsu l-marġni tal-iskor għal Żebbuġ Youngsters.

Referee kien Reno Galea.

Ta’ Ġiorni Wanderers wettqu waħda mill-ikbar sorpriżi ta’ din il-kompetizzjoni wara li għelbu lil Għaxaq Wolves 3-2.

Il-Wanderers kienu tim determinat u aggressiv li ftit taw ċans lill-Għaxqin jilagħbu l-logħob tipiku tagħhom.

Għaxaq marru minn fuq wara 20 minuta permezz ta’ awtogowl ta’ Jonathan Xuereb iżda Ta’ Ġiorni ġabu l-iskor indaqs tmien minuti wara permezz ta’ Daniel Neeraj Bharwani.

Fit-tieni taqsima, il-logħba baqgħet tkun divertenti u reġgħu kienu Għaxaq li marru fil-vantaġġ minn Diego Fernando Pereira.

Meta kollox kien jidher li l-Wolves kienu se jiksbu l-kwalifikazzjoni waslet ir-rimonta ta’ Ta’ Ġiorni li ġabu d-draw permezz ta’ Daniel Neeraj Bharwani b’Leonardo Radicchi jagħtu l-kwalifikazzjoni għat-tim tiegħu meta skorja l-gowl tar-rebħa erba’ minuti minn tmiem il-konfront.

Referee kien Gjorgji Bitri.

F’logħba bejn żewġ timijiet mill-Ewwel Diviżjoni, San Ġiljan Saints għelbu lil San Ġwann Pro Evolution Academy 3-1.

Il-Ġiljaniżi kellhom wirja tajba f’din il-logħba għalkemm it-tim minn San Ġwann baqa’ jittama li jieħu xi ħaġa f’din il-partita fejn kien biss fl-aħħar li ċedew l-armi.

San Ġiljan Saints marru minn fuq żewġ minuti minn tmiem l-ewwel taqsima permezz ta’ Robert Veskimae.

Fit-tieni taqsima, Ionut Popescu għamilhom 2-0 fis-47 minuta għalkemm minuta wara San Ġwann naqqsu l-marġni tal-iskor minn Georges Agbohoun.

Is-Saints aċċertaw ruħhom mill-kwalifikazzjoni fil-ħin mogħti żejjed mir-referee permezz ta’ Aleks Peletic.
Referee kien Mark Azzopardi.

Senglea Gunners taffew mid-diżappunt tar-relegazzjoni tagħhom għat-tieni diviżjoni wara li għelbu lil Buġibba Club de SWAT 2-1 sabiex għamluha għal mal-aħħar erbgħa tal-kompetizzjoni.

Sa tmiem l-ewwel taqsima, Buġibba kienu minn fuq permezz ta’ Moidu Shamshad Azumangad iżda fit-tieni taqsima s-Sengleani dawru telfa b’rebħa b’gowls ta’ Elvis Johnson fis-37 minuta u Juan Zarate fil-50 minuta.

Referee kien Peter Abela.

Is-semifinali tan-Next Auto Car Sales MAFA KO se jintlagħbu nhar is-Sibt li ġej fejn fl-4.15pm San Ġiljan Saints jilagħbu d-derby kontra Ta’ Ġiorni Wanderers filwaqt li fis-6pm, Valletta St Paul’s jaffrontaw lil Senglea Gunners.

Ekonomija

Sport