Monday, April 29, 2024

MAFA: Marsa St Michael rebħa bogħod mir-rebħ tal-kampjonat

Aqra wkoll

Marsa St Michael jinsabu rebħa ‘l bogħod milli jirbħu l-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni tal-MAFA meta f’konfront ferm interessanti huma għelbu lil Balluta Barracudas 2-1.

Il-Marsin ħadu vantaġġ mid-draw ta’ mingħajr gowls li kellna fil-logħba prinċipali ta’ tmiem il-ġimgħa bejn Valletta St Paul’s u Swieqi Braves sabiex b’dawn it-tliet punti telgħu l-ewwel meta fadal logħba waħda għat-tmiem.

Il-Marsin għamlu l-intenzjonijiet ċari sa mill-bidu u marru minn fuq fir-raba’ minuta permezz ta’ Yessous Camilleri li ħa vantaġġ minn taħwida fil-kaxxa ta’ Balluta sabiex xeħet ġewwa.

Mal-kwarta logħob, Marsa St Michael għamluhom tnejn permezz ta’ Lamin Jaiteh.

Fit-tieni taqsima, Balluta għafsu fit-tentattiv li jġibu l-iskor indaqs iżda setgħu jiskorjaw gowl wieħed biss permezz ta’ Jake Chetcuti.

Issa l-Marsin jilagħbu l-logħba deċiżiva kontra Swieqi Braves u jekk jirbħu jiġu dikjarati champions.
Referee kien Gjergji Bitri.

Fil-partita prinċipali tat-13-il ġurnata, Valletta St Paul’s u Swieqi Braves temmew il-konfront ta’ bejniethom fi draw ta’ 0-0.

Minkejja l-iskor ta’ mingħajr gowls, il-logħba kienet kumbattuta ferm biż-żewġ naħat li ħolqu diversi ċansijiet ta’ gowls.

Fl-aħħar mill-aħħar iż-żewġ goalkeepers Leighton Mifsud ta’ Valletta St Paul’s u Erick Vital ta’ Swieqi Braves flimkien mad-difensuri sħabhom kienu kapaċi jżommu x-xibka tagħhom mhux mimsusa.

Minkejja kollox, dan id-draw ma ssodisfa lill-ebda tim hekk kif issa ġew maqbuża minn Marsa St Michael.

Referee kien Andrea Naudi.

Fil-kampjonat tat-tieni diviżjoni, Għaxaq Wolves ingħataw walk-over ta’ 2-0 kontra Birkirkara St Joseph. Dawn tal-aħħar minbarra li diġa’ ġew relegati għat-tielet diviżjoni, ġew imneħħija minn dan il-kampjonat wara t-tieni walk-over li taw.

Referee kellu jkun Sanu Joy.

Ta’ Ġiorni Wanderers baqgħu jissieltu għall-promozzjoni wara rebħa minima iżda prezzjuża ta’ 1-0 kontra Gudja Wanderers.

Il-gowl l-aktar importanti ġie skorjat minn Thomas Debono ħames minuti mill-bidu tat-tieni taqsima.

B’din ir-rebħa Ta’ Ġiorni qabżu momentarjament lil Mqabba Albions u Attard Edex Kings fit-tieni post tal-klassifika għalkemm b’logħba iktar.

Min-naħa ta’ Gudja, huma għadhom ma ħelsux kompletament mill-inkwiet tar-relegazzjoni.

Referee kien Jean Pierre Mifsud.

Fit-tielet diviżjoni, il-leaders Ħamrun Amateurs ġew miżmuma fi draw ta’ mingħajr gowls kontra Naxxar Victorians.

L-Amateurs, li huma diġa garantiti mill-promozzjoni, lagħbu l-logħba tipika tagħhom iżda sabu lin-Naxxarin ferm sodi fid-difiża li ma tawhomx ċans jiskorjaw.

Min-naħa tal-Victorians, il-problema prinċipali jibqa’ l-attakk hekk kif naqqsu li jiskorjaw xi gowl f’din il-partita.

Referee kien Reno Galea.

Kalkara Flames telgħu fit-tielet post tal-klassifika wara li għelbu faċilment lit-tim tal-qiegħ Mosta Vikings AFC 5-0.

Il-Kalkariżi kellhom intenzjonijiet ċari sa mill-bidu tant li marru minn fuq wara biss minuta permezz ta’ Christian Attard, b’Neil Sammut li rdoppja fl-20 minuta u b’Russell Caruana jiskorja doppjetta qabel tmiem l-ewwel taqsima.

Fit-tieni taqsima, Shylon Mangion issiġġilla r-rebħa għat-tim tiegħu.

Referee kien Jean Pierre Sammut.

KLASSIFIKA – MAFA L-EWWEL DIVIŻJONI

Marsa St Michael 24, Swieqi Braves, Valletta St Paul’s 23, San Ġwann Pro Evolution Academy 19, Balluta Barracudas 16, San Ġiljan Saints 15, Senglea Gunners 11, Valletta Stars 7.

KLASSIFIKA – MAFA IT-TIENI DIVIŻJONI

Għaxaq Wolves 34, Ta’ Ġiorni Wanderers 20, Attard Edex Kings , Mqabba Albions 19, Gudja Wanderers 14, Żebbuġ Youngsters 12, Buġibba Club de SWAT 10, Birkirkara St Joseph 1.

KLASSIFIKA – MAFA IT-TIELET DIVIŻJONI

Ħamrun Amateurs 22, Ħal Far Titans 19, Kalkara Flames 17, Naxxar Victorians 11, Mosta Vikings 0

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport