It-tlugħ tal-poloz għat-tieni rawnd ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Champions League u l-UEFA Conference League sar nhar l-Erbgħa.
Jekk Floriana jirnexxilhom jeliminaw lil Shamrock Rovers mill-ewwel rawnd ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Champions League, il-Greens se jiffaċċjaw lir-rebbieħ tal-konfront bejn FC Ararat-Armenia tal-Armenja u Riga FC tal-Latvja fit-tieni rawnd ta’ kwalifikazzjoni.
L-ewwel legs huma skedati li jsiru fil-21/22 ta’ Lulju bir-return legs huma skedati għat-28/29 ta’ Lulju.
Sadanittant, jekk jiġu eliminati mill-ewwel rawnd ta’ kwalifikazzjoni, Floriana jidħlu fit-triq taċ-Champions tat-tieni rawnd ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Conference League fejn jiffaċċjaw lit-tellief tal-konfront bejn FK Kauno Žalgiris tal-Litwanja u FC Drita tal-Kosovo.
Fil-Main path tat-tieni rawnd ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Conference League, Valletta se jiffaċċjaw lil Raków Częstochowa tal-Polonja, bl-ewwel leg jintlagħab fil-Polonja.
Jekk Marsaxlokk jaslu għat-tieni rawnd ta’ kwalifikazzjoni, se jiffaċċjaw lil Debreceni VSC tal-Ungerija filwaqt li Hamrun Spartans se jiffaċċjaw lil FC Koper tas-Slovenja. Ix-Xlukkajri jilagħbu l-ewwel leg barra minn darhom filwaqt li l-Spartans jilagħbu l-ewwel leg f’darhom.

