Friday, March 14, 2025

MALTA B’RATA BAXXA TA’ KRIMINALITÀ

Aqra wkoll

Ċifri li kienu ppubblikati dan l-aħħar urew li l-ħidma tal-awtoritajiet tal-pajjiż qiegħda tħalli l-frott tant li r-reati kriminali kulma jmur qed jonqsu. Dan mhux iseħħ b’kumbinazzjoni imma hemm raġuni. Iż-żieda sostanzjali ta’ pulizija fit-toroq, bla dubju huwa wieħed mill-elementi li wasslu biex ikun hemm dan id-deterrent. Dan ifisser li l-kunċett tal-pulizija fil-komunita kienet deċiżjoni għaqlija u effettiva.

Mir-rapport annwali magħruf bħala Crimemalta Observatory, f’ħarsa li ta lejn is-sena 2024, ġie kkonfermat li Malta baqgħet pajjiż sigur u stabbli, b’rata baxxa ta’ reati kriminali li hi ta’ 30 reat għal kull elf persuna li tgħix f’pajjiżna. Dan ifisser tnaqqis meta mqabbel mas-sena ta’ qabel u tnaqqis sostanzjali meta mqabbel mas-46 każ irrapportat għal kull 1,000 persuna li Malta kienet qed tesperjenza fl-2004. 

Fis-sena 2024, kienu rrapportati 16,662 każ, jiġifieri 1% inqas fuq l-2023. Dawn in-numri aktar baxxi kienu rreġistrati anke jekk dan ir-rapport qed idaħħal għall-ewwel darba kategoriji ġodda ta’ rapporti li huma reati marbuta mal-ambjent, environmental crime, fejn ġew reġistrati 174 każ. 

B’kuntrast ma dan, hemm każi li baqgħu jiżdiedu fosthom il-vjolenza domestika. Iżda jista jagħti l-każ li din iż-żieda hija attribwita għall-fatt li qed ikun hemm iktar għarfien tal-ħtieġa li vittma tirrapporta dak li għaddejja minnu u qed issofri, kif ukoll għax żdiedu s-servizzi professjonali ta’ għajnuna.

Dan kollu jibni wkoll fuq ir-riżultat eċċellenti li ngħatat Malta f’rapport internazzjonali fosthom dawk li poġġew l-ordni u s-sigurtà f’pajjiżna mal-ewwel għaxra minn 142 pajjiż fl-indiċi globali tas-Saltna tad-Dritt għas-sena 2023. Dan l-indiċi jinkludi l-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea, tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles u l-Amerka ta’ Fuq. 

Malta tibqa wkoll fost l-inqas b’rata ta’ kriminalita fost il-pajjiżi msieħba tal-Unjoni Ewropea, kif juru rapporti internazzjonali.

Ta’ min jinnota wkoll li l-omiċidji kollha mill-2018 sal-2024 kienu mhux biss solvuti kollha imma wkoll fi żmien qasir.

Dawn il-fatti kollha dwar pajjiżna li joħorġu minn rapporti internazzjonali, ixejnu kull kritika li sikwit issir li pajjiżna mhux wieħed sikur. Malta tal-lum toffri serħan il-moħħ iktar milli kienet sa ftit ilu u dan grazzi għad-dedikazzjoni tal-forzi dixxiplinati kollha ta’ pajjiżna li l-gvern qed ikompli jinvesti fihom b’titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom u kif ukoll fil-mezzi u l-għodod li jkollhom bżonn fil-qadi ta’ dmirijiethom.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport