Wednesday, April 16, 2025

Malta impenjata li tassigura ugwaljanza bejn is-sessi fl-użu tat-teknoloġija fid-dinja tax-xogħol

Aqra wkoll

Waqt il-Kunsill Informali tal-Ministri Ewropej dwar l-Ugwaljanza li ttella’ fil-Polonja u li tratta l-avvanz teknoloġiku fid-dinja tax-xogħol u kif id-diġitalizzazzjoni u l-intelliġenza artifiċjali jistgħu joħolqu preġudizzji u sterjotipi, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul saħaq li Malta hija impjenata li tassigura ugwaljanza bejn is-sessi fl-użu tat-teknoloġija fuq il-post tax-xogħol, filwaqt li enfasizza l-ħtieġa li minn dan l-avvanz jibbenefika kulħadd.

Ir-ritmu mgħaġġel li bih qed tinbidel id-dinja tax-xogħol issemma minn bosta, bis-segretarju parlamentari jgħid li biex jibqa’ jkollna soċjetà ġusta b’kundizzjonijiet dejjem aħjar għall-ħaddiema, jeħtieġ li l-ħaddiema jingħataw taħriġ kontinwu biex ħadd ma jitħalla jaqa’ lura u kull impjegat javvanza b’mod ugwali. “Jeħtieġ li naraw li bid-diġitalizzazzjoni u t-teknoloġija emerġenti, l-ebda ħaddiem ma jaqa’ lura, u dan japplika għal kull ħaddiem f’kull settur tax-xogħol”, qal is-segretarju parlamentari.

Is-segretarju parlamentari sostna li l-Gvern Malti huwa impjenat li jassigura li d-dinja tax-xogħol ma tkunx biss kompetittiva, iżda inklussiva u li tappoġġja kemm it-tkabbir sostenibbli kif ukoll il-benesseri tal-ħaddiema. Spjega li huwa għal dan il-għan li l-Gvern Malti qiegħed jassisti lill-istart-ups u joffri skemi permezz tal-Malta Enterpise, biex min iħaddem jibqa’ jinvesti fl-innovazzjoni li ssarraf f’impjiegi ta’ kwalità għall-ħaddiema Maltin u Għawdxin.

Dr Ellul saħaq li Malta tibqa’ kommessa li toffri ambjent diġitali fejn l-ugwaljanza, is-sigurtà u l-inklużjoni ma jibqgħux biss aspirazzjonijiet, iżda realtajiet għall-ħaddiema kollha, irrispettivament mill-isfera tal-ħajja li ġejjin minnha.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport