Friday, May 17, 2024

Malta maħtura bħala l-ewwel Kapitali Dinjija għan-Nisa u l-Bniet fix-Xjenza 2023

Aqra wkoll

Malta ġiet maħtura bħala l-ewwel Kapitali Dinjija għan-Nisa u l-Bniet fix-Xjenza għas-sena inawgurali 2023 – 2024 mir-Royal Academy for Science International Trust (RASIT). Il-Kapitali tan-Nisa u l-Bniet fix-Xjenza hija inizjattiva globali li hija offruta taħt il-patroċinju tar-RASIT biex tħeġġeġ l-ekwità, id-diversità u l-inklużjoni fl-oqsma kollha tax-xjenza u tpoġġi dawn il-kwistjonijiet fil-qalba tal-attenzjoni tad-dinja għal ċelebrazzjoni ta’ sena.

Malta diġà għandha storja ta’ impenn fil-qasam tan-Nisa u l-Bniet fix-Xjenza. Fl-2015, flimkien mar-RASIT, Malta kienet parti minn dawk li taw bidu għall-proċess li wassal biex il-11 ta’ Frar ġie meqjus bħala l-Jum Internazzjonali tan-Nisa u l-Bniet fix-Xjenza tan-Nazzjonijiet Magħquda. Dan il-jum internazzjonali jirrikonoxxi l-kontribut li l-bniet u n-nisa jagħtu lix-xjenza u jenfasizza l-importanza tal-ugwaljanza bejn is-sessi. Malta tkompli tipparteċipa b’mod attiv f’attivitajiet li jimmarkaw dan il-Jum Internazzjonali, u li jġibu ’l quddiem il-ħidma fil-qasam.

Bħala l-Belt Kapitali Dinjija, Malta hija meħtieġa twettaq skeda ta’ avvenimenti xjentifiċi, soċjali, kulturali, u ekonomiċi li se jappellaw għal udjenza kbira madwar id-dinja. Din id-deżinjazzjoni se ttejjeb il-ħila ta’ Malta li toħloq konnessjonijiet bejn firxa ta’ oqsma, fosthom l-edukazzjoni, ir-riċerka xjentifika, l-ambjent, l-iżvilupp soċjo-ekonomiku, il-kultura, u t-turiżmu, b’mod li jkun konsistenti mal-istrateġiji u l-prijoritajiet ta’ Malta stess.

F’ dan ir-rigward, Christopher Cutajar, Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ (MFET), Matthew Vella, Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni (MEYR), u l-Prof Alfred J. Vella, ir-Rettur tal-Università ta’ Malta, iffirmaw dikjarazzjoni ta’ prinċipji biex jikkooperaw fuq materji relatati man-nisa u l-bniet fix-xjenza, u jorganizzaw għadd ta’ avvenimenti. Ġie ffirmat ukoll ftehim mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg, f’isem il-Gvern ta’ Malta, mar-RASIT waqt il-ġimgħa ta’ livell għolja tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda.

L-ewwel avveniment organizzat kien il-kamp tas-sajf tal-bniet 4 STEM bejn it-28 t’Awwissu u l-1 ta’ Settembru 2023, li ppromwova l-ingaġġ fix-Xjenza, it-Teknoloġija, l-Inġinerija u l-Matematika (STEM), fost studenti bniet ta’ bejn il-11 u t-12-il sena. Dan l-avveniment, organizzat mill-MEYR flimkien mal-Università ta’ Malta, kellu l-għan li jelimina d-differenza bejn is-sessi fl-edukazzjoni STEM u huwa marbut mal-għan ta’ Żvilupp Sostenibbli 4 dwar edukazzjoni ta’ kwalità inklussiva u ugwali. Matul il-kamp tas-sajf, it-tfajliet ħadmu b’mod kollaborattiv fi gruppi żgħar taħt il-gwida ta’ mentors fuq diversi attivitajiet varjati u prattiċi. F’waħda mill-ġranet, il-parteċipanti kellhom avveniment speċjali fiċ-Ċentru interattiv tax-Xjenza ESPLORA, il-Kalkara.

Ġie organizzat ukoll kamp tas-sajf dwar “Exploring Intelligence – A Bootcamp on us and Tech” mill-Fakultà tal-ICT fl-Università ta’ Malta b’kollaborazzjoni mal-Malta Digital Innovation Authority (MDIA) għall-istudenti ta’ bejn il-11 u 13-il sena. Madwar 60 tifel u tifla ngħataw l-opportunità li jżidu l-għarfien tagħhom dwar l-intelliġenza artifiċjali u jirriflettu aktar fil-fond dwar it-teknoloġija, filwaqt li fl-istess ħin jirċievu taħriġ biex jibnu mobile apps kumplessi.

Fost inizjattivi oħra li qed jiġu ppjanati, l-Università ta’ Malta flimkien mal-MFET ħadmu fuq il-produzzjoni ta’ filmati qosra dwar “Breaking gender stereotypes” fl-iSTEM li qed jintwerew waqt il-Festival Nazzjonali tax-Xjenza u l-Arti li qed jittella’ bejn id-29 u t-30 ta’ Settembru 2023 fil-Belt Valletta. Il-pubbliku huwa mħeġġeġ jipparteċipa f’dan il-Festival Nazzjonali tax-Xjenza fil-Belt u jsegwi l-avvenimenti li se jiġu organizzati biex jimmarkaw id-denominazzjoni ta’ Malta bħala l-Kapitali tan-Nisa u l-Bniet fix-Xjenza.

Sport