Friday, October 25, 2024

Malta Premier: Hamrun S. f’partita diffiċli kontra Sliema W.

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Mil-lum sa nhar il-Ħadd tintlagħab id-disa’ ġurnata tal-Premier League fejn iċ-champions Hamrun Spartans jerġgħu jattiraw l-attenzjoni wara li fi tmiem il-ġimgħa li għad­da sfaw megħluba mil- leaders, Birkirkara.  

Proprju llum huma jaffrontaw lil Sliema Wanderers hekk kif dawn tal-aħħar jimmiraw li jkomplu jixħtu l-pressjoni fuqhom. 

Birkirkara jibdew bħala favoriti meta jiltaqgħu kontra Gzira United li għan­dhom bżonn il-punti biex jikkwalifikaw mal-aqwa sitta fit-tieni round ta’ din l-ewwel fażi. 

Floriana jiffaċċjaw lil Balzan, biż-żewġ timijiet jimmiraw li jittornaw għar- rebħ meta fl-aħħar ħarġa tagħhom naqsu li jagħmlu dan. 

Hibernians għandhom partita delikata kontra Melita wara ż-żelqa xejn mistennija kontra Mosta u għaldaqstant ma jaffordjawx li jitilfu aktar punti. 

Naxxar Lions jiltaqgħu kontra Marsaxlokk li t-  tnejn ġejjin minn riżultat ta’ draw iżda dan huwa ċans li ma jistgħu jfallu biex jibqgħu jittamaw li jtemmu l-ewwel round mal-ewwel sitta. 

Mosta jibdew favoriti li jiksbu t-tieni rebħa konsekuttiva meta jilagħbu kontra Zabbar St Patrick li jinsabu fil-qiegħ tal-klassifika. 

Sliema W. v Hamrun S.– Din hija l-aqwa partita ta’ tmiem il-ġimgħa fejn hija prijoritá għal Hamrun Spartans li jiksbu t-tliet punti. 

Dan minħabba li jekk ma jagħmlux dan, teżisti possibbiltá li jfallu milli jikkwalifikaw mat-Top Six.

Huma ġejjin minn żewġ telfiet infila … xi ħaġa li ilhom ma jsofru minn Frar 2022 meta kienu tilfu kontra Gzira United (4-1) u Gudja United (1-0). 

Min-naħa ta’ Sliema Wanderers, ilhom ma jegħl­bu lill-Ispartans mit-8 ta’ Novembru, 2019, (2-0) u għaldaqstant din tista’ tkun opportunitá biex ikomplu jixtħu l-pressjoni fuq il-Ħamruniżi. 

L-Ispartans għandhom lil Elionay Freitas dubjuż filwaqt li Murilo Henrique jirritorna għall-Wanderers minn sospensjoni. 

Gzira U. v Birkirkara – Il-mistoqsija fuq fomm kulħadd hija min se jwaqqaf lil Birkirkara li bħala urugan qed iħarbtu lil min jiġi quddiehom. 

Għaldaqstant, Gzira Uni­ted se jkunu l-vit­tmi li jmiss jew inkella se jimmansaw lill-Istripes u jibagħthom id-dar b’idej­hom vojta?

Dawn tal-aħħar jinżlu b’moral mill-aktar għoli hekk kif ġejjin minn seba’ rebħiet infila. 

Barra minn hekk, huma għandhom kull dipartiment b’saħħtu fejn jispikkaw id-difensur ġgant Taljan, Alessandro Coppola, u l-attakkant Brażiljan, Maxuell Maia Da Silva, li jinsab fil-quċċata tal-lista tal-iskorers bi tmien goals. 

Il-Maroons iridu jkunu fl-aqwa forma jekk iridu jieħdu xi ħaġa minn din il-partita meta ġejjin minn żewġ draws u żewġ telfiet. 

Telfa tkun daqqa ta’ ħarta fl-aspirazzjonijiet tagħhom li jispiċċaw mal-ewwel sitta.

Iż-żewġ timijiet se jinżlu bl-aqwa formazzjoni possibbli. 

Floriana v Balzan – Wara li fallew żewġ punti importanti fid-draw ta’ 1-1 kontra Marsaxlokk, huwa mperattiv li Floriana jirritornaw għar-rebħ kontra Balzan li ġejjin minn telfa xejn mistennija ta’ 2-0 kontra Melita. 

Il-Furjaniżi, li jinsabu fit-tieni post tal-klassifika, ma jistgħux jitilfu l-kuntatt ma’ Birkirkara li bħal donn­hom se jisparixxu fuq l-orizzont.

Il-fatt li wara din il-ġurnata jkun fadal żewġ partiti biex jintemm l-ewwel round tal-ewwel fażi, xejn għajr minn rebħa ma tissodisfa l-kriterji tagħhom biex iżommu l-pressjoni fuq Hamrun Spartans u Gzira United għas-sitt post. 

Carlo Zammit Lonardelli jibqa’ dubjuż għal Floria­na.

Hibernians v Melita – Wara li għelbu lil Hamrun Spartans bl-iskor ta’ 2-0, Hibernians ħadu gambetta kbira fit-telfa ta’ 1-0 kontra Mosta biex fallew tliet punti mill-aktar importanti. 

Għaldaqstant huma jri­du jpattu għal dan id- diżappunt billi joħorġu rebbieħa kontra Melita li bħalissa jinsabu b’moral għoli hekk kif ġejjin minn rebħa mistħoqqa ta’ 2-0 fuq Balzan u li issa ilhom tliet partiti ma jitilfu. 

Għaldaqstant il-Pawlisti jridu juru rispett massimu lill-Ġiljaniżi li qed jimmiraw għal sorpriża.  

Naxxar L. v Marsaxlokk – Naxxar Lions u Marsaxlokk ġejjin minn draw identiku ta’ 1-1 kontra Gzira United u Floriana rispettivament. 

Għaldaqstant rebħa biss tħallihom jibqgħu jit­ta­maw li forsi jikkwalifikaw mal-aħjar sitta għal­kemm fil-veritá iċ-ċansijiet huma remoti minħabba li jiddependi mir-riżultati tat-timijiet l-oħra.

Il-Lions għandhom lil Degran Jackson sospiż iżda Pedro De Assis Barreto jirritorna minn sospensjoni. 

Mosta v Zabbar SP – Mos­ta jimmiraw li jkomplu jibnu fuq ir-rebħa ta’ 1-0 fuq Hibernians meta jiffaċċjaw lil Zabbar St Patrick li  huma destinati li ji­tilfu posthom mal-kbar.

Iż-Żabbarin se jerġgħu jkunu mingħajr is-sospiż Strahinja Jovancic li tkeċċa kontra Sliema Wanderers wara li kien għadu ġej minn sospensjoni ta’ żewġ partiti. Iżda jirritorna Joao Pedro Mendonca minn sos­pensjoni bħal Joao Teixeira għal Mosta.   

– Cristian Muscat

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport