Monday, December 23, 2024

Malta Premier: Hamrun Spartans jikkastigaw lil Birkirkara għat-tieni telfa nfila

Aqra wkoll

Birkirkara ………0

Hamrun S. ……..2

Minn Cristian Muscat

Kienet wirja ta’ karattru dik li rat lil Hamrun Spartans jegħlbu lil Birkirkara bl-iskor ta’ 2-0, bil-goals jaslu wieħed f’kull taqsima, biex b’hekk l-Ispartans ikkundannaw lill-Istripes għat-tieni telfa konsekuutiva.

B’din ir-rebħa l-Ispartans fetħu wkoll l-isfida għar-rebħ ta’ din l-ewwel fażi hekk kif il-vantaġġ tal-Karkariżi fil-quċċata tal-klassifika niżel għal żewġ punti … fil-konfront ta’ Floriana.

Kienu Hamrun li ħarġu fuq l-offensiva u wara biss tliet minuti, xutt ta’ Raphael Lopes Silva minn barra l-kaxxa ġie mdawwar f’corner mid-difiża Karkariża.

Mill-corner li rriżulta mogħti minn Shaisen Attard, Mayron kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu tintemm ftit barra.

Fis-17-il minuta il-coach Taljan ta’ Hamrun, Alessandro Zinnari, kien kostrett jaffettwa sostituzzjoni sfurzata meta weġġa’ il-player Kroat Roko Prsa, biex minfloku daħal jilgħab is-sostitut Kean Scucluna.

Fl-34 minuta, reġgħu kienu Hamrun li ħolqu l-periklu meta Attard xeħet cross li izda ħadd mill-players sħabu ma rnexxielu jagħmel kuntatt mal-ballun, bl-azzjoni tisfuma fix-xejn.

Birkirkara wieġbu għall- ewwel darba fil-45 minuta meta Maxuell Maia minn pożizzjoni ferm ideali falla l-mira.

Madankollu fit-tielet mi­nuta tal-ħin miżjud tal-ewwel taqsima, l-Ispartans fetħu l-iskor meta meta Juan Carlos Corbalan provda l-assist lil SHAISEN ATTARD li avvanza fil-kaxxa u permezz ta’ xutt fil-baxx għeleb lill-goalkeeper Giacomo Volpe.

Fit-tieni taqsima, ir-ritmu naqas iżda Hamrun baqgħu l-aħjar team. Fis-57 minuta, Alessandro Coppola mid-distanza spiċċa għoli.

Fil-71 minuta, l-Ispartans issiġillaw ir-rebħa  meta Joseph Essien Mbong temm azzjoni personali billi għadda lejn RAPHAEL LOPES SILVA li permezz ta’ xutt fil-baxx tefa’ ġewwa.

BIRKIRKARA: 1-Giacomo Volpe, 3-Manuel Ignacio Morello, 5-Agustin Sandona (77-Maicon De Souza Silva 65), 7-Shaun Dimech, 20-Alex Satariano, 24-Leandro Lautaro Lacunza, 25-Neil Micallef, 27-Alessandro Coppola, 30-Nathan Cross (8-Paul Mbong 46), 91-Maxuell Maia, 99-Juan Siafa (10-Andrea Zammit 78) Etohai   – Coach: Ste­fano De Angelis

HAMRUN S.: 1-Henry Bonello, 6-Daniel Letherby, 10-Joseph Essien Mbong, 12-Roko Prsa (55-Kean Scicluna 18), 14-Elionay Freitas Da Silva, 22-Gabriel Vella (3-Mattias Ellul 86), 28-Juan Carlos Corbalan, 33-Mayron, 77-Shaisen Attard (7-Luke Montebello 55), 91-Emerson Marcelina, 99-Raphael Lopes Silva   – Coach: Ales­sandro Zinnari

REFEREE: Ishmael Barbara

ASS. REFEREES: Luke Por­telli, James Muscat

RABA’ UFF: Daniel Portelli

SKORERS: S. Attard 45, R. Lopes Silva 71 (HS)

AMMONITI: A. Coppola (B); E. Freitas Da Silva, R. Lopes Silva (HS)

Ekonomija

Sport