Minn Cristian Muscat
BIRKIRKARA………………. 1
HAMRUN SPARTANS…….. 0
Goal fit-88 minuta ta rebħa drammatika lil Birkirkara li għelbu lil Hamrun Spartans bl-iskor ta’ 1-0, b’dawn tal-aħħar ma kienx jistħoqqilhom li joħorġu b’idejhom vojta mill-ground.
Kienu l-Ispartans li ħolqu l-ewwel periklu fl-10 minuta meta Serigne Saliou Thioune kellu xutt b’saħħtu minn tarf il-kaxxa li għadda ftit għoli.
Birkirkara wieġbu fid-19-il minuta meta wara li rċieva minn free-kick ta’ Jake Vassallo, Wesley Bernardo Frazan, kellu d-daqqa ta’ ras mill-viċin li ntemmet ftit barra.
L-Ispartans reġgħu ħolqu l-periklu man-nofs siegħa logħob meta Marcelo Aguilar de Alves minn pożizzjoni angolata minn ġol-kaxxa pprova jaħsad lill-goalkeeper, Rashed Al Tumi, bil-ballun iżda ntemm ftit barra.
Huma komplew jippressaw u fis-37 minuta kienu ferm sfortunati li ma fetħux l-iskor meta l-ewwel Ognjen Bjelicic kellu t-tentattiv tiegħu jistampa mal-mimduda, bil-captain ta’ Birkirkara Zach Muscat jikklerja qasir, bil-ballun jintemm għand Thioune li kellu t-tentattiv mill-viċin jistampa ma’ sieq il-wieqfa, bl-Istripes jeħilsuha ħafif.
Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, Birkirkara ħarġu ferm aggressivi u fil-50 minuta, Jefferson Vinicius, ittanta xortih permezz ta’ xutt fil-baxx mill-ewwel li iżda sab lill-goalkeeper Brażiljan ta’ Hamrun, Francisco Celio Da Paz attent, hekk kif salva tajjeb minn mal-art.
Madankollu kienu Hamrun li resqu viċin li jiftħu l-iskor, fit-63 minuta, meta f’azzjoni tajba maħduma minnhom, Lucas Villela għadda tajjeb lejn Damir Ceter, li mill-viċin mattar siequ iżda sab lil Al Tumi attent li mblokka tajjeb b’saqajh, bil-ballun jintemm għand Matthew Guillaumier li kellu l-konklużjoni tiegħu tiġi devjata f’corner minn difensur ta’ Birkirkara.
Huma komplew jiddominaw u fit-73 minuta ipprotestaw għall-penalty meta Damir Ceter fuq il-ġirja deher li allegatamet twaqqa’ minn Wesley Bernardo Frazan fil-kaxxa, iżda r-referee Fyodor Zammit, wara li kkonsulta l-FVS, ma ordna l-ebda penalty.
Fl-84 minuta, Hamrun reġgħu tilfu ċans tad-deheb li jmorru fil-vantaġġ meta Damir Ceter minn taħt il-lasta kellu l-konklużjoni devjata f’corner.
Iżda, fit-88 minuta, Birkirkara skorjaw l-uniku goal tal-partita meta mill-free-kick ta’ Fernandinho, Zach Muscat xeħet fix-xibka permezz ta’ daqqa ta’ ras.
Birkirkara: Rashed Al-Tumi, Wesley Bernardo Frazan, Rafael Vicente Ferreira (Fernandinho 46), Jefferson Vinicius, Zach Muscat, Neil Micallef (Aleksandar Dordevic 70), Franklin Sasere (Kemar Reid 93), Jake Vassallo, Aleandro Garzia (Louis Pahama 68), Kadu Ribeiro, Junior De Souza (Keith Shaft Brewer 89) – Coach: Paul Zammt
Hamrun S.: Francisco Celio Da Paz, Sven Xerri (Rafael Compri 49), Matthew Guillaumier, Lucas Villea Lapert, Vincenzo Polito, Ognjen Bjelicic, Saliou Thioune (Damir Ceter 55), Marcelo Aguilar de Alves (Marcello Trotta 77), Ante Coric, Emerson Marcelina (Jake Grech 49), Ryan Camenzuli – Coach: Marco Amelia
Referee: Fyodor Zammit
assistenti: Jurgen Spiteri, David Castillo
Raba’ Uff.: Daniel Portelli
Skorer: Z. Muscat 88 (B)
Ammoniti: M. Aguilar de Alves (H)
Player tal-Logħba: Rashed Al Tumi (Birkirkara)




