Saturday, October 31, 2026
Home Sport Malta Premier League: Birkirkara jkollhom jistennew

Malta Premier League: Birkirkara jkollhom jistennew

0
49
Ritratt: Mark Mangion

Minn Cristian Muscat

BIRKIRKARA…………………… 2

BIRŻEBBUĠA ST PETER’S…… 2

F’partita ferm eċċitanti li pproduċiet xejn inqas minn erba’ goals u żewġ penalties, wieħed fuq kull naħa, Birkirkara sfaw miżmuma fi draw ġust ta’ 2-2 minn Birzebbuga SP.

B’dan id-draw, issa l-Karkariżi jkollhom jistennew l-eżitu ta’ Hibernians fil-konfront tagħhom kontra Balzan. Jekk il-Pawlisti joħorġu rebbieħa, ikunu huma li jikkwalifikaw mat-Top Six minflok il-Karkariżi.

Kienu Birżebbuġa li ħol­qu l-ewwel periklu fil-11-il minuta meta Jackson Mendoza kellu x-xutt mid-distanza li ntemm għoli.

Huma komplew jiddettaw il-logħob u tliet minuti wara fetħu l-iskor meta ALEX BRUNO DE SOUZA SILVA minn pożizzjoni angolata minn ġol-kaxxa tefa’ l-ballun fir-rokna tax-xibka.

Birżebbuġa  bdew jiddominaw u u fl-20 minuta, wara li rċieva minn cross mil-lemin, Alex Bruno kellu t-tentattiv tiegħu jispiċċa barra.

Fit-32 minuta, Birżebbuġa fallew ċans tad-deheb li jirduppjaw l-iskor meta Stipe Tokic kellu xutt bid-dawra mill-viċin li ntemm ftit barra.

Iżda kontra x-xejra tal-logħob, fit-42 minuta, Birkirkara ngħataw penalty meta Gustavo Felipe De Campos mess il-ballun b’idu fil-kaxxa, bir-referee Joseph Scerri jikkonferma d-deċiżjoni wara li kkonuslta l-FVS. Mill-11-il metru, l-attakkant Niġerjan, FRANKLIN SASERE li ma ħafirx.

Fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima kien imiss lil Birżebbuġa li jirbħu pe­nalty meta Zach Muscat deher li miss il-ballun b’idu wkoll fil-kaxxa, bir-referee Joseph Scerri jerġa’ jikkonferma d-deciżjoni tiegħu wara konsultazzjoni mal-FVS … u proprju  l-Kroat STIPE TOKIC sammar il-ballun fix-xibka.

Mal-ftuħ tat-tieni taqsima, Birkirkara ħarġu fuq l-offensiva u fis-57 minuta  Sasere kellu d-daqqa ta’ ras tistampa mal-wieqfa, biex mir-rebound l-istess Sasere kellu l-konklużjoni tiegħu minn taħt il-lasta tiġi salvata minn mal-art mill-goalkeeper Mattia Chiesa.

L-isforzi ta’ Birkirkara ġew ippremjati fis-66 minuta  meta kisbu d-draw hekk kif minn azzjoni ta’ corner, ZACH MUSCAT xeħet fix-xib­ka b’daqqa ta’ ras preċiża.

Birżebbuga wieġbu fit-80 minuta permezz ta’ free-kick mid-distanza ta’ Yuri De Jesus Messias li ntemm għoli.

L-iskor baqa’ ma nbdilx sa tmiem il-partita, biż-żewġ timijiet jieħdu punt kull wie­ħed.

Birkirkara: Fabrice Ondoa, Rafael Vicente Ferreira (Wesley Bernardo Frazan 53), Jan Busuttil (Kemar Reid 53), Louis Pahama, Zach Muscat, Franklin Sasere, Keith Brewer Shaft Jr, Pablo Gabriel Souzsa Alves, Jake Vassallo, Aleandro Garzia (Jefferson Vinicius Da Silva 54), Junior Amarildo De Souza – Coach: Paul Zammit

Birżebbuġa SP: Mattia Chiesa, Felipe De Campos, Miguel Azzopardi (Shaun Dimech 46), Zachary Cassar, Pietro Toamselli (Yuri De Jesus Messias 78), Stipe Tokic, Rasmus Pedersen, Juan Andres Ramires Bolanos, Alex Bruno De Souza Silva, Zachary Scerri, Jackson Mendoza (Alessandro Coppola 71) – Coach: Luciano Santana

Referee: Joseph Scerri 

assistenti: Jurgen Spiteri, Shaun Calleja

Raba’ Uff.: Reuben Spiteri Delicata

Skorers: A. B. De Souza Silva 14, S. Tokic pen. 48 (BSP), F. Sasere 42, Z. Muscat 66 (B)

Ammoniti: A. Garzia, Z. Muscat, L. Pahama (B), J. Mendoza (BSP)

Player tal-Logħba: Jackson Mendoza (BSP)

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here