Friday, October 9, 2026
Home Uncategorized Malta Premier League: Birkirkara v Valletta l-aqwa konfront ta’ tmiem il-ġimgħa

Malta Premier League: Birkirkara v Valletta l-aqwa konfront ta’ tmiem il-ġimgħa

0
21
Ritratti: Mark Mangion

Minn Cristian Muscat

Wara l-impenji tat-team nazzjonali fil- UEFA Nations League b’għadd ta’ riżultati pożittivi, illum jirritorna l-Malta Premier League meta tintlagħab is-seba’ ġurnata bl- aktar partita li tispikka tkun dik bejn Valletta u Birkirkara.

Bla dubju din mistennija tiġbed attendenza kbira fejn terġa’ tiġġedded ir-rivalitá bejn dawn iż-żewġ timijiet li nibtet fil-bidu tal-Millennju.

Partita oħra mill-aktar interessanti hija dik bejn Hamrun Spartans u Hibernians, żewġ timijiet li matul is-sajf għollew l-aspettattivi  tal-partitarji tagħhom b’dawn tal-aħħar ikollhom sjieda barranin filwaqt li l-Ispartans bħal donnhom qed jissaħħu.

Il-ko-leaders ma’ Valletta, Floriana għandhom partita delikata kontra Balzan li qed  ikunu sfida denja u jagħtu logħba lil kulħadd.

Il-partita bejn Mosta u Birżebbuġa St Peter’s tiftaħ il-programm meta proprju llum jiltaqgħu fil-Victor Tedesco Stadium.

F’partita oħra li fiha jkunu nvoluti żewġ timijiet min-nofs in-nhar ta’ Malta, Marsaxlokk jibdew favoriti meta jafforntaw lil Zabbar St Patrick .. filwaqt li l-konfront bejn il-ġirien Sliema Wanderers u Gzira United, ikun l-aħħar wieħed ta’ tmiem il-ġimgħa.

Wara waqfien ta’ tliet ġimgħat wieħed irid jara kemm it-timijiet se jirnexxielhom iżommu l-konsistenza u l-kontinwitá  fil-logħob tagħhom.

Għat-timijiet fin-naħa t’isfel, dan il-waqfien jista’ jkun “injezzjoni” biex jirriorganizzaw lilhom infushom.

Nistennew u naraw!

Birkirkara v Valletta – Din hija partita bilanċjata li tista’ tmur kull naħa.

Bħalissa Valletta qed igaw­du vantaġġ ta’ tliet punti fuq Birkirkara. Prattikament il-pressjoni tinsab fuq iż-żewġ timijiet … Valletta biex iżommu l-ewwel post filwaqt li Birkirkara jridu jirbħu biex jilħqu lill-istess Beltin.

Iż-żewġ timijiet ġejjin minn rebħa hekk kif il-Karkariżi għelbu lil Birżebbuġa SP bl-iskor ta’ 2-0 filwaqt li l-Vallettani  għelbu lil Birżebbuġa St Patrick bl-iskor ta’ 3-0. 

Jidher li ż-żewġ timijiet se jinżlu bl-aqwa formazzjoni possibbli u għaldaqstant nistennew li naraw partita tal-ogħla livell.

Hamrun S. v Hibernians – Hamrun Spartans, li ġejjin minn tliet rebħiet konsekuttivi,  jafforntaw lil Hibernians li jinsabu “feruti” hekk kif ġejjin minn umiljazzjoni ta’ 4-0 kontra Floriana.

Din it-telfa tkompli tfisser il-kriżi li għaddejjin minnha l-Pawlisti hekk kif minn sitt partiti huma ġabru biss ħames punt, bl-unika rebħa li rreġistraw tkun dik pro­prju fl-ewwel ġurnata, kontra Sliema Wanderers bl-iskor ta’ 2-0.

Telfa oħra tkompli tpoġġihom fil-periklu li ma jikkwa­lifikawx mat-Top Six.

Wara bidu kwiet, l-Ispartans bħal donnhom ‘tmattru’ u qed isibu l-istess forma li biha ddominaw il-kampjonat għal dawn l-aħħar snin.

Iżda għal din il-logħba huma se jkollhom jgħaddu mingħajr is-servizzi tas-sospiż, Ognjen Bjelicic.

Floriana v Balzan – Floriana jiltaqgħu kontra t-team promoss ta’ Balzan li minkejja li jinsabu fit-tmien post … rebħa tkun tfisser li ttellagħhom punt taħt l-istess Floriana.

Fil-veritá, il-Greens huma wieħed mill-aqwa timijiet ta’ dan l-istaġun iżda l-problema tagħhom hija li l-iskwadra mhijiex twila biżżejjed u għaldaqstant il-bankina tas-sostituti mhijiex daqstant qawwija.

Huma jinżlu għal dan il-konfront b’moral għoli wara li kisbu rebħa kbira fuq Hibernians.

Peró, huma jridu juru rispett massimu lejn l-avversarji tagħhom li, mingħajr ebda pretensjonijiet żejda, huma avversarji denji li kapaċi jirbħu lil kulħadd.

Il-Furjaniżi se jkunu msaħ­ħa bir-ritorn ta’ Yas­sine Jbira.

Mosta v Birżebbuġa SP – Mosta jibdew favoriti meta jiltaqgħu kontra t-team promoss ta’ Birżebbuġa St Peters’  li għadhom qed ifittxu l-ew­wel punt fl-ogħla diviżjoni.

Barra minn hekk, minn sitt partiti huma skorjaw goal wieħed biss, li wasal minn Alex Bruno De Souza Silva fit-telfa ta’ 2-1 kontra Sliema Wanderers. 

Min-naħa ta’ Mosta, l-aħħar darba li lagħbu kien fit-13 ta’ Settembru, minħabba li partita kontra Gzira United (fis-sitt ġurnata) tħassret minħabba l-maltemp … u għaldaqstant lagħbu partita inqas … bl-antiċipu tagħha se jintlagħab fl-14 ta’ Ottubru.

Huma kellhom bidu mill-aqwa fejn kisbu tliet rebħiet konsekuttivi u taw l-impressjoni li dan l-istaġun se jkun wieħed speċjali.

Iżda fiż-żewġ partiti sussegwenti huma ġabru biss punt minn possibbiltá ta’ sitta.

Marsaxlokk v Zabbar SP –  Dan huwa konfront bejn żewġ timijiet li ġejjin minn telfa – Marsaxlokk kontra Hamrun Spartans (4-1) u Zabbar St Patrick kontra Bir­kirkara.

It-telfa għal Marsaxlokk kienet tfisser li fallew iċ-ċans li jitilgħu waħedhom f’ras il-klassifika.

Min-naħa taż-Żabbarin, dawn għandhom bżonn il-punti biex ma jinqabdux fil-Bottom Six.

Sliema W. v Gzira U. – Din hija partita bejn iż-żewġ ġirien Sliema Wanderers u Gzira United … iżda d-differenza ta’ punti hija dik ta’ disgħa bil-mira tal-Wanderers hija li jikkwalifikaw mat-Top Six.

Huma ġejjin minn draw ta’ mingħajr goals kontra Balzan.

Min-naħa tal-Gżirjani, iddiżappuntaw bil-kbir u huma biss id-dell tal-istaġun li għadda minkejja li l-iskwadra hija kompost minn bosta players straodinarji.

Minn ħames partiti huma kisbu punt wieħed biss, l-aħħar wieħed kontra Zabbar St Patrick wara erba’ telfiet konsekuttivi.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here