Minn Cristian Muscat
FLORIANA………………………………. 0
HIBERNIANS…………………………… 2
Hibernians komplew bil- mument pożittiv tagħhom meta għelbu lil Floriana bl-iskor ta’ 2-0, biex kisbu r-raba’ rebħa fl-aħħar ħames logħbiet. Min-naħa l-oħra, Floriana komplew għaddejjin minn perjodu diffiċli u issa ilhom sitt logħbiet mingħajr rebħa.
Il-Pawlisti fetħu l-iskor wara biss ħames minuti. Bjorn Kristensen interċetta corner bir-ras u għadda lejn Shaw, li kompla lejn Joy Slayd Mickels li b’daqqa ta’ ras minn taħt il-lasti, tefa’ l-ballun fix-xibka.
Floriana ppruvaw jagħmlu reazzjoni permezz ta’ Gaston Manuel Romano, iżda x-xutt tiegħu ġie mdawwar f’corner minn Cardinali. Hibernians komplew joħolqu l-periklu u kellhom diversi tentattivi permezz ta’ Jayden Roe, Joseph Mbong u Mouad El Fanis, iżda l-goalkeeper Cioletti wettaq interventi tajbin biex żamm lil Floriana fil- logħba. Min-naħa l-oħra, Stephen Odey u Robert Muric ukoll ippruvaw isibu x- xibka, iżda mingħajr suċċess.
Fit-tieni taqsima, Floriana ħarġu aktar fuq l-offensiva u ppruvaw ifittxu l-goal tad-draw permezz ta’ Muric, Odey u Romano.
Madankollu, il-konklużjonijiet tagħhom ma kinux preċiżi biżżejjed biex jegħlbu lil Cardinali.
Fis-67 minuta, Hibernians talbu l-intervent tal-Video Support wara li Romano deher imiss il-ballun b’idu, iżda l-uffiċjal Glen Tonna, wara l-verifiki meħtieġa, iddeċieda li ma jaċċettax it-talba tal-Pawlisti.
Hibernians komplew jinsistu u fl-81 minuta rduppjaw l-iskor. Joseph Mbong wettaq ħarba tajba u qassam lejn Duane Bonnici, li minn fuq ix-xellug tefa’ cross baxx lejn Alex Sobczyk li kompletament żmarkat fil-kaxxa, għeleb għal kollox lil Cioletti.
Fl-aħħar minuti, Hibernians setgħu kabbru l-vantaġġ meta Joseph Mbong sab ruħu wiċċ imb’wiċċ ma’ Cioletti, iżda l-goalkeeper ta’ Floriana rnexxielu jdawwar il-konklużjoni tiegħu f’corner.
Fl-84 minuta, il-player tal-logħba Jayden Roe, sofra injury u kellu jħalli l- ground.
Floriana: Guilherme Cioletti Ferreira Da Silva, Myles Beerman, Alexandre Martin De Paula Kauan, Amar Drina (Denzel Attard 81), Paul Mbong, Federico Varela, Alen Kurtalic, Gaston Manuel Romano, Owen Spiteri (Robert Muric 35), Carlo Zammit Lonardelli, Stephen Pius Odey (Kenan Dervisagic 61) – Coach: Carlos Alos Ferrer
Hibernians: Matteo Cardinali, Moritz Romling (Duane Bonnici 24), Alfred Silas Hamanjoda, Kurt Shaw, Joseph Mbong, Joy Slayd Mickels (Alex Sobczyk 72), Bjorn Kristensen, Dexter Xuereb (Matthew Ellul 72), Leandro Lautaro Lacunza, Jayden Roe (Fabian Jankovic 85), Mouad El Fanis – Coach: Tugberk Tanrivermis
Referee: Glen Tonna
assistenti: Luke Portelli, David Castillo
Raba’ Uff.: Daniel Casha
Skorers: J. Mickels 5, A. Sobczyk 81 (H)
Ammoniti: A. Hamanjoda, K. Shaw (H)
Player tal-Logħba: Jayden Roe (Hibernians)




