Friday, October 16, 2026
Home Sport Malta Premier League: Marsaxlokk jegħlbu lil Birkirkara … u jitilgħu fil-quċċata tal-klassifika

Malta Premier League: Marsaxlokk jegħlbu lil Birkirkara … u jitilgħu fil-quċċata tal-klassifika

0
50
Ritratt: Mark Mangion

Minn Cristian Muscat

MARSAXLOKK……………. 2

BIRKIRKARA…………….. 0

Marsaxlokk għelbu lil Birkirkara bl-iskor ta’ 2-0, bl-Istripes jilagħbu l-aħħar nofsiegħa bi player inqas, u biż-żewġ goals għax-Xlukkajri jaslu fit-tieni taqsima, huma rreġistraw it-tieni rebħa konsekuttiva wara li kienu għelbu lil Zabbar St Patrick bl-iskor ta’ 2-1.

B’hekk ix-Xlukkajri telgħu momentarjament fl-ewwel post tal-klassifika bi 17-il punt … punt biss vantaġġ fuq Valletta.

M’hemmx dubju li issa bdiet tixgħel il-bozza l-ħamra għal Birkirkara li wara t-telfa ta’ 2-0 kontra Valletta, din kienet it-tieni telfa konsekeuttiva għalihom, fejn fl-aħħar sitt partiti kisbu biss rebħa waħda kontra Zabbar SP.

Ta’ nota huwa l-fatt li l-logħba kellha tiġi kkontrollata mir-referee Glen Tonna, iżda sar magħruf li huwa ħassu ftit ma jiflaħx proprju ftit qabel il-partita, b’din tiġi kkontrollata minn dak li kellu jkun ir-raba’ uffiċjal, Ezekiel Barbara, b’Tonna jassumi r-rwol ta’ raba’ uffiċjal minfloku.

Kienu l-Istripes li ħolqu l-ewwel periklu wara seba’ minuti meta wara li rċieva minn cross mix-xellug, Louis Pahama xeħet il-ballun lejn Kemar Reid … ix-xutt ta’ dan tal-aħħar ġie devjat f’corner mill-goalkeeper Christoffer Mafoumbi.

U mill-corner li segwa, mogħti minn Pablo Gabriel, Zach Muscat kellu t-tentattiv tiegħu minn daqqa ta’ ras mill-viċin jintemm ftit barra.

Marsaxlokk wieġbu żewġ minuti biss wara b’tentattiv ta’ Joreg Ailton Soares mix-xellug, li ġie salvat mill-goalkeeper ta’ Birkirkara, Fabrice Ondoa.

Fit-13-il minuta, ix-Xlukkajr Rasmus Linden resaq viċin li jsib ix-xibka b’xutt angolat mil-lemin.

Fis-26 minuta, xutt mid- distanza ta’ Pablo Gabriel għal Birkirkara ġie newtralizzat minn Mafoumbi. Minuta wara, Ondoa, wettaq save tajjeb fuq freekick tal-midfilder ta’ Marsaxlokk, Jose Ulises Arias.

Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, Birkirkara ħarġu ferm aggressivi u fit-52 minuta, free-kick  mill-isbaħ ta’ Pablo Garcia, ġie salvat b’diffikultá minn Mafoumbi.

Iżda kienu Marsaxlokk li fetħu l-iskor żewġ minuti biss wara permezz ta’ xutt minn pożizzjoni ideali ta’ MATIAS NICOLAS GARCIA li ma ta l-ebda ċans lil Ondoa.

U mill-azzjoni li segwiet fuq in-naħa l-oħra tal-pitch, mumenti biss wara, Birkirkara kellhom ferħa bla temma meta kellhom goal imħassar minħabba offside meta Kemar Reid mill-viċin tefa’ ġewwa iżda r-referee Ezekiel Barbara ħassar dan il-goal meta anke wara li kkonsulta l-FVS iġġudika li Reid kien jinsab f’pożizzjoni irregolari.

Fil-61 minuta, Birkirkara qalgħu daqqa ta’ ħarta meta spiċċaw jilagħbu bi player inqas meta tkeċċa Fernandinho, wara li ntwera t-tieni karta safra bir-referee Ezekiel Barbara jikkonferma din it-tkeċċija wara li kkonsulta l-FVS.

Marsaxlokk irduppjaw l-iskor fil-71 minuta meta Jorge Ailton Soares avvanza tajjeb fil-kaxxa qabel għadda tajjeb lejn JOSE ULISES ARIAS li mill-viċin ma ħafirx.

Huma komplew jamministraw il-vantaġġ doppju li kellhom sa tmiem il-partita.

Marsaxlokk: Christoffer Mafoumbi, Oualid El Hasni, Enrico Pepe, Nikolai Muscat, Jose Ulises Arias (Domantas Simkus 76), Rasmus Linden (Semir Smajlagic 76), Jorge Ailton Soares, Juan Carlos Corbalan (Weder Soares Da Silva 87), Matias Nicolas Garcia (Lucas Caruana 82), Joseph Minala (Ensell Attard 87), Leandro Aguirre   – Coach: Vincenzo Potenza

Birkirkara: Fabrice Ondoa, Wesley Bernardo Frazan (Rafael Ferreira Santos 79), Kemar Reid, Louis Pahama (Franklin Sasere 73), Zach Muscat, Keith Brewer Shaft Jr (Jan Busuttil 90), Pablo Gabriel, Jake Vassallo, Aleandro Garzia (Jefferson Vinicius 73), Jose Feranndo Junior Gomes, Junior Armando De Souza   – Coach: Paul Zammit

Referee: Ezekiel Barbara

assistenti: Mitchell Scerri, Max-Lee Muscat

Raba’ Uff.: Glen Tonna

Skorers: M. N. Garcia 54, J. Ulises Arias 71 (M)

Ammoniti: M. N. Garcia (M), J. F. Gomes Junior (2), A. Garzia (B)

Tkeċċa Fernandinho 61 (B)

Player tal-Logħba: Matias Nicolas Garcia (M)

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here