Minn Cristian Muscat
Wara li matul il-ġimgħa ntlagħbet id-disa’ ġurnata tal-Malta Premier League, f’dawn it-tlett ijiem jintlagħab il-programm tal-10 waħda bl-aktar attraenti tkun dik bejn il-leaders Valletta u Hamrun Spartans li mistennija tiġbed attendenza kbira f’Tony Bezzina Stadium.
Valletta v Hamrun Spartans – It-team tal-mument, Valletta, jaffrontaw lil Hamrun Spartans li sa qabel l-istaġun kienu minn fost l-isfidanti ewlenin biex jirbħu l-kampjonat.
Iżda bħalissa jinsabu distakkati b’disa’ punti minn Valletta u għaldaqstant xejn għajr minn rebħa ma tissodisfa l-kriterji tagħhom.
Peró, fil-veritá xejn m’huwa mitluf għall-Ispartans minħabba li f’Jannar li ġej mistennija jsaħħu l-iskwadra tagħhom biex jispiċċaw mal-ewwel tnejn fit-Tieni Fażi li jkun ifisser li jkollhom id-dritt li jilagħbu fis-semi-finali … dejjem jekk xi team ma jirbaħx iż-żewġ fażijiet.
Min-naħa tal-Beltin, dawn jidhru li se jirbħu l-ewwel fażi minħabba li għandhom skwadra twila, letali, orgnizzati, dixxiplinati u fuq kollox konsistenti … u ma hi l-ebda kumbinazzjoni li qed jiddominaw din il-fażi. U għaldaqstant il-mistoqsija hija … “min se jwaqqaf lil-Lilywhites?”
Iż-żewġ timijiet mistennija jinżlu bl-aqwa formazzjoni possibbli.
Marsaxlokk v Sliema W. – Il-pressjoni hija fuq Marsaxlokk hekk kif ġejjin minn telfa ta’ 2-0 kontra Birżebbuġa SP u jekk Sliema Wanderers joħorġu rebbieħa, jilħquhom fil-klassifika.
Floriana v Zabbar SP – Wara tliet draws, Floriana jilagħbu kontra Zabbar St Patrick li qed jimmaturaw fil-logħob tagħhom minkejja li ġejjin minn telfa ta’ 3-2 kontra Sliema W.
Iżda huma għandhom lil Strahinja Jovancic u lil Joao Mafra sospiżi.
Mosta v Hibernians – Mosta jiltaqgħu kontra Hibernians liema partita hija meqjusa bilanċjata u tista’ tmur kull naħa.
Filwaqt li Mosta ġejjin minn telfa ta’ 2-0 kontra Valletta, Hibernians għelbu lil Gzira U. bl-iskor ta’ 2-1.
Mosta għandhom lil Pedro Paulo Da Silva Barbosa u lil Kurt Zammit sospiżi.
Balzan v Birkirkara – Fil-konfront kontra l-ġirien Birkirkara, Balzan għandhom lil Oluwatobiloba Dimeji Awosanya u lil Nikola Ignjatovic sospiżi filwaqt li Birkirkara għandhom lil Bernardo Wesley Frazan.
Gzira U. v Birżebbuġa SP – Għal kontra Gzira U., Birżebbuġa SP għandhom lil Joao Teixeira sospiż.




