Minn Cristian Muscat
BALZAN…………….. 1
MARSAXLOKK……..1
Il-finalisti tal-istaġun li għadda, Marsaxlokk, ma tantx kellhom bidu tajjeb meta ġew miżmuma fi draw ta’ 1-1 mit-team promoss ta’ Balzan.
Kien l-Balzanin li ħolqu l-ewwel periklu, fl-10 minuta, meta Dimeji Awosanya temm azzjoni veloċi permezz ta’ xutt fil-baxx minn pożizzjoni ideali li ġie salvat minn Christoffer Mafoumbi.
Huma komplew jiddettaw il-logħob u fis-26 minuta, reġa’ kien Awosanya li hedded il-lasti avversarji meta b’ħeffa kbira l-konklużjoni tiegħu falliet il-mira minn qagħda tajba.
Balzan baqgħu fil-kmand tal-partita b’Awosanya jkompli jirriżulta bħala xewka fl-attakk u theddida kontinwa għad-difiża avversarja.
Fit-32 minuta, reġa’ mpenja lil Mafoumbi għalkemm din id-darba t-tenattiv tiegħu kien kemmxejn dgħajjef biex Mafoumbi salva mingħajr tbatija.
Madankollu, kontra x- xejra tal-logħob u proprju fl-ewwel attakk li bnew, fis-36 minuta, Marsaxlokk fetħu l-iskor.
Lucas Caruana żamm il- ballun b’ċerta insistenza, qabel għadda lejn Redon Mihana, li min-naħa tiegħu xeħet cross li sab lill-captain NIKOLAI MUSCAT li b’xutt mill-ewwel mill-viċin tefa’ l-ballun fir-rokna tax-xibka.
Interessanti huwa l-fatt dan kien is-seba’ goal bil-flokk ta’ Marsaxlokk, l-14-il fil-Malta Premier u l-ewwel wieħed kontra Balzan.
Il-pressjoni kienet kollha fuq Balzan u fil-ftuħ tat-tieni taqsima ħarġu jfittxu l-goal tad-draw, u fis-47 minuta, Leonardo da Silva Fernandes, kellu l-konklużjoni tiegħu tiġi salvata f’żewġ tentattivi mill-goalkeeper Mafoumbi.
Huma komplew jippressaw u fl-64 minuta, free-kick sabiħ ta’ Awosanja ġiegħel lil Mafoumbi jtir minn tulu fl-art biex dawwar il-ballun f’corner u għaldaqstant reġa’ kien providenzjali għat-team tiegħu.
Azzjoni wara l-oħra, fit-73 minuta Balzan meritatament għamlu l-iskor indaqs meta Awosanya għadda tajjeb minn mal-linja xellugija, qabel indirizza cross fil-baxx lejn is-sostitut JAKE PORTELLI li bil-kalma kollha u b’xutt mill-ewwel mill-viċin għeleb għal kollox lill-goalkeeper Franċiż ta’ Marsaxlokk.
Balzan: Manuel Djalo, Nikola Doric, Jake Grech, Lucas Macula, Dimeji Awosanya, Sekala Guehi, Isaac Thomas Davey (Jake Portelli 46), Sean Cipriott (Nicholas Pulis 87), Zachary Grech (Emmanuel Asante 55), Nikola Ignjatovic, Leonardo da Silva Fernandes – Coach: Andrew Cohen
Marsalokk: Christoffer Mafoumbi, Weder Da Silva Soares, Oualid El Hasni, Nikolai Muscat, Jose Ulises Arias, Jorge Ailton Soares, Juan Carlos Corbalan, Lucas Caruana (Domantas Simkus 80), Jospeh Minala, Leandro Aguirre, Redon Mihana (Ensell Attard 80) – Coach: Vincenzo Potenza
Referee: Daniel Portelli
assistenti: Vasil Vasilev, Duncan Sultana
Raba’ Uff.: Fyodor Zammit
Skorers: N. Muscat 36 (M), J. Portelli 73 (B)
Ammoniti: S. Guehi (B), N. Muscat, O. El Hasni (M)
Player tal-Logħba: Dimeji Awosanya (B)




