Saturday, August 15, 2026
Home Fehmietna Il-bidla fil-klima… il-kuntrast… kull wieħed u waħda minnha irid jagħmel il-parti tiegħu

Il-bidla fil-klima… il-kuntrast… kull wieħed u waħda minnha irid jagħmel il-parti tiegħu

0
3

Lulju ta’ din is-sena ra kundizzjonijiet sħan u niexfa fit-tul fl-Ewropa tal-Punent, li mmarkaw l-aktar perjodu sħun ta’ Ġunju-Lulju rreġistrat għar-reġjun u li ffavorixxew it-tixrid u l-intensifikazzjoni ta’ nirien estremi f’għadd ta’ pajjiżi. Rajna pajjiżi li spiċċaw infern sħiħ fosthom żoni fi Franza fejn residenti kellhom jitilqu minn fejn jgħixu. Rajna imbagħad nirien fil-Portugal, il-Greċja, l-Portugal u Spanja.  Matul Lulju rajna ukoll wkoll l-ogħla temperaturi tal-wiċċ tal-baħar  li qatt ġew irreġistrati għal Lulju fl-oċeani.  Ovvjament dan kollu għandu effett negattiv.

Rajna għadd ta’ pajjiżi Ewropej jintlaqtu minn qtugħ ta’ provvisti tal-elettriku. Qegħdin naraw xmajjar jiġu bi ftit ilma. Dan apparti nirien u qerda kbira ta’ prodotti agrikoli u dan minnu nfih qiegħed joħloq  tħassib dwar x’se jiġri minn prezzijiet ta’ prodotti tal-ikel, fejn kollox jindika li dawn se jkunu qegħdin jogħlew. L-istess kif qegħdin jogħlew fl-Ewropa il-prezzijiet tal-fjuwils.

Minn dan kollu ibatu l-konsumaturi. It-tort għal dan ma tistax titfgħu lejn naħa waħda. Kulħadd hu responsabbli, għalkemm hemm min hu aktar responsabbli minn ħaddieħor. Il-bidla fil-klima tinħoloq mill-karbonju li jintefa’ fl-arja. Ilu snin jingħad li għandu jitnaqqas u pjani kontra pjani. Kollox jittawwal u jiġġebbed skont l-esiġenzi tal-kumpaniji multi nazzjonali u l-‘lobbying’ li jagħmlu.  Lil hinn minn dan imma dak li qiegħed jikkawża dak li qegħdin nesperjenzaw hu l-karbonju li kull pajjiż tefa’ fl-arja.

Ewlenin għal dan il-katastrofi hemm kumpaniji kbar li jinnegozjaw fil-fjuwil u ż-żejt. Ironikament waqt li kellna l-Ewropa qiegħda taqbad, waqt li kellna nies li kellhom jitilqu minn djarhom, waqt li kellna oħrajn f’martirju bla elettriku fi sħanat kbar,  waqt li l-istess nies qegħdin iħallsu aktar għal kontijiet tal-elettriku, apparti l-imwiet ikkawżati, l-istess kumpaniji rajnihom jagħmlu rekord ta’ profitti.  X’kuntrast.  

Minkejja dan nemmnu li għandna nkunu aħna l-konsumaturi li nibdew nagħmlu l-parti tagħna. Ma nistgħux nippuntaw swaba biss lejn gvernijiet jew korporazzjonijiet kbar u aħna nibqgħu gallarija. Irridu aħna nibdew nagħmlu l-parti tagħna.  Nibdew minna fid-djar tagħna. Kemm noqogħdu attenti biex per eżempju niffrankaw l-enerġija. Innaqqsu l-konsum tad-dawl. Innaqqsu l-ħela ta’ ilma.  Nużaw transport alternattiv.  Ma naħlux ikel, għax dan ukoll joħloq pressjoni fuq l-ambjent tagħna. 

Ejja nagħml l-mistoqsijiet lilna nfusna. Kemm tuża l-karozza tiegħek? Kemm tuża it-trasport pubbliku? Minnu li għal kull ħaġa ta’ xejn trid tistartja l-karozza? Kemm qiegħed tkun ekonomiku fil-konsum tal-enerġija? Kemm naraw min jaħsel u jaħli ilma barra f’pajjiżna, meta nafu kemm għandna nuqqas ta’ ilma u xi spiża tiġi biex nikkonvertu l-ilma baħar f’ilma tajjeb għal konsum?  

Il-mistoqsija li tqum hi se nibqgħu mexjin f’din it-triq? L-Unjoni Ewropea trid tagħmel ferm u ferm iżjed.  Se nibqgħu nbaxxu rasna għall-politika tal-Istati Uniti u tal-kumpaniji multi nazzjonali? L-isforz biex tiġi miġġielda l-bidla fil-klima irid ikun wieħed kollettiv. Ma nistgħux nibqgħu nipposponu d-deċiżjonijiet. Ma nistgħux nibqgħu nieħdu deċiżjonijiet dgħajfin sforz pressjonijiet li jsiru. Il-ġlieda kontra l-bidla fil-klima illum xegħlitilna bozza ħamra. Aktar dewmien u tkaxkir tas-saqajn, issir biss diżastri u kriżijiet ġodda fix-xhur u snin li ġejjin.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here