Minn Cristian Muscat
Wara l-waqfa għall-partiti internazzjonali fejn Malta kienet impenjata fir-round ta’ kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja 2026, kontra l-Finlandja u l-Polonja, f’dawn l-erbat ijiem jissokta l-Malta Premier b’partiti mill-aktar interessanti hekk kif tiħrax it-taqtiegħa għal min jispiċċa mat-Top Six.
Ta’ nota huwa l-fatt li din is-27 ġurnata jew aħjar il-11-il programm tal-Closing Round, se jintlagħab kollu fil-Gozo Stadium.
Peró, fil-veritá bil-partiti jkunu deċiżivi kien ikun aktar vijabbli li kieku ntlagħbu b’mod simultanju.
Kien messha ntgħażlet ġurnata oħra biex programm bħal dan jintlagħab fil-gżira ta’ Għawdex.
Intant, bl-uniċi żewġ timijiet li huma aċċertati mit-Top Six, hemm sitt timijiet biċ-ċans li fit-tieni round jilagħbu mal-ewwel sitta iżda erbgħa minnhom biss jistgħu jagħmlu dan.
Barra minn hekk, teżisti wkoll possibbiltá li Hamrun Spartans ma jikkwalifikawx mat-Top Six għalkemm fil-veritá l-permutazzjonjiet huma limitati.
Dan iseħħ jekk Sliema Wanderers, Marsaxlokk, Hibernians u Mosta joħorġu rebbieħa. Anke jekk l-Ispartans jegħlbu lil Naxxar Lions, huma xorta waħda jinqabżu fil-klassifika bil-konsegwenza li f’dan ir-round itemmu fis-seba’ pożizzjoni.
Jekk min-naħa l-oħra, dawn l-erba’ timijiet verament joħorġu rebbieħa, l-isfida għall-ewwel żewġ postijiet tinfetaħ beraħ.
Sliema W. v Birkirkara – Bla dubju, din hija l-aqwa partita ta’ dan il-programm hekk kif xejn għajr minn rebħa ma tissodisfa l-kriterji ta’ Sliema Wanderers biex jaċċertaw posthom mat-Top Six.
Min-naħa ta’ Birkirkara, dawn jimmiraw li jakkwistaw it-tliet punti biex jibqgħu fil-quċċata tal-klassifika.
Il-Wanderers mistennija li jinżlu bl-aqwa formazzjoni possibbli filwaqt li l-Istripes ma jistgħux jutilizzaw lill-goalkeeper Giacomo Volpe u lil Manuel Ignacio Morello minħabba li jinsabu sospiżi wara li tkeċċew fir-rebħa ta’ 2-0 fuq Floriana.
Fiż-żewġ logħbiet preċedenti, Birkirkara rebħu l-ewwel waħda bl-iskor ta’ 1-0, bl-oħra tintemm fi draw ta’ 1-1.
Floriana v Hibernians – Dan huwa konfront bejn żewġ timijiet li fl-aħħar ħarġa naqsu li joħorġu rebbieħa.
Filwaqt li Floriana sfaw megħluba bl-iskor ta’ 2-0, Hibernians ġew miżmuma fi draw ta’ mingħajr goals minn Balzan.
Għaldaqstant, Floriana jimmiraw li jitilgħu fl-ewwel post filwaqt li jittamaw li Birkirkara jfallu kontra Sliema.
Għal Hibernians riżultat ta’ draw jista’ jkun biżżejjed iżda skond l-eżitu tar- riżultati ta’ Zabbar St Patrick u Hamrun Spartans.
Floriana għandhom lil Jose Fernando Gomes Junior sospiż wara li tkeċċa kontra Birkirkara filwaqt li Hibernians jilqgħu lil Lucas Caruana minn sospensjoni.
Fiż-żewġ partiti diretti Floriana rebħu waħda bl-iskor ta’ 2-0 bl-oħra tintemm fi draw ta’ 1-1.
Marsaxlokk v Melita – Marsaxlokk jibdew favoriti li jiksbu t-tliet punti li għandhom bżonn biex jibqgħu jisfidaw li jtemmu fl-ewwel żewġ postijiet hekk kif jiffaċċjaw lil Melita li se jkunu qed jissieltu biex ma jispiċċawx mal-aħħar tnejn.
Marsaxlokk ġejjin minn telfa ta’ 1-0 kontra Naxxar Lions li xejn ma kienet mistennija, għaldaqstant ma jistgħux ifallu. Barra minn hekk iridu juru rispett massimu lejn l-avversarji tagħhom.
Melita wkoll ġejjin minn telfa ta’ 2-0 kontra Mosta li kompliet tniżżilhom fil-Bottom Six.
Għax-Xlukkajri jirritornaw Jose Ulises Arias u Nikolai Muscat minn sospensjoni filwaqt li Aldair Simanca Pena huwa sospiż għal Melita wara li ġabar erba’ karti sofor.
Iż-żewġ timijiet rebħu partita kull wieħed – Melita bl-iskor ta’ 2-1 u Marsaxlokk bl-iskor ta’ 3-1.
Hamrun S. v Naxxar L. – Din hija partita delikata għal Hamrun Spartans li rebħa hija prioritá jekk iridu jkomplu jisfidaw għall-ewwel żewġ postijiet fit-tentattiv li jikkwalifikaw għas-semi-finali għar-rebħ tat-titlu.
Huma se jilagħbu kontra team li għandu bżonn il-punti biex isalva mir-relegazzjoni hekk kif jinsab fil-post ta’ qabel l-aħħar.
L-Ispartans se jkollhom jgħaddu mingħajr is-servizzi tas-sospiż Joseph Mbong filwaqt li Naxxar se jkun bl-aqwa formazzjoni possibbli.
Fil-partita preċedenti l- Ispartans kienu ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 6-0.
Gzira U. v Balzan – Din hija partita bejn żewġ timijiet li se jilagħbu fil-Bottom Six.
Gzira United se jilqgħu lura lil Gabriel Bohrer Mentz u Thaylor Aldama minn sospensjoni.
Fiż-żewġ logħbiet preċedenti, kull team rebaħ partita bl-iskor identiku ta’ 2-1.
Zabbar SP v Mosta – Dan huwa konfront li fih Mosta għandhom bżonn draw biex għat-tieni darba jissiġillaw posthom mat-Top Six.
Iżda Zabbar St Patrick għandhom il-potenzjali biex idawru r-riżultat favur tagħhom.
Fl-unika partita bejn dawn iż-żewġ timijiet Mosta kienu ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 4-2.