Monday, May 20, 2024

Malta tipparteċipa fil-World Government Summit 2024 fl-Emirati Għarab Magħquda

Aqra wkoll

Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti kien wieħed mill-kelliema waqt dibattitu internazzjonali dwar il-futur tal-governanza diġitali fil-World Government Summit li sar f’Dubai, l-Emirati Għarab Magħquda (UAE).

Fid-diskors tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Azzopardi Tanti semma d-diversi inizjattivi, skemi u strateġiji li ħareġ il-gvern Malti fit-transizzjoni lejn soċjetà u ekonomija aktar diġitalizzata, fejn fost oħrajn semma li din it-transizzjoni se twassal ukoll għal servizzi pubbliċi aktar effiċjenti.

Matul iż-żjara tiegħu fil-UAE, is-Segretarju Parlamentari Azzopardi Tanti kellu laqgħat mal-Ministru għall-Edukazzjoni Pubblika u t-Teknoloġija Avvanzata tal-UAE, Sarah Al Amiri, u l-Ministru taż-Żgħażagħ tal-UAE, Sultan Saif AlNeyadi. Il-laqgħat iffukaw fuq il-possibilità ta’ kollaborazzjonijiet ġodda fil-politika taż-żgħażagħ u programmi relatati, kif ukoll dwar teknoloġiji spazjali.

Iż-żjara ħabtet ukoll maċ-ċerimonja tal-gradwazzjoni tal-uffiċjali tas-servizz pubbliku u tas-settur pubbliku Malti li pparteċipaw b’suċċess fl-ewwel edizzjoni tal-Executive Leadership Programme, programm internazzjonali ta’ taħriġ u żvilupp ta’ uffiċjali għolja tal-gvern offrut mill-Gvern tal-UAE, wara l-iffirmar ta’ MOU bejn il-Gvern ta’ Malta u l-Gvern tal-UAE. Aktar tard din is-sena mistennija titnieda edizzjoni ġdida ta’ dan il-programm mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST).

Waqt din iż-żjara, is-Segretarju Parlamentari kien akkumpanjat minn uffiċjali għolja mill-MCST u l-Ambaxxatriċi ta’ Malta għall-UAE, Maria Camilleri Calleja.

Sport