Jekk hemm xi ħaġa li tgħaqqadna ma’ xulxin, għall-anqas bil-kliem, żgur li hi li rridu l-paċi. Jekk induru dawra madwarna ma tantx indumu biex insibu postijiet li kienu ġew imfarrka fl-aħħar gwerra u għadhom ifakkruna fil-konsegwenzi tal-gwerra. Post li dejjem quddiem għajnejna hu t-Teatru Rjal, int u dieħel il-Belt.
Sa ftit ilu, li naraw monument bħal dan imfarrak, konna nqisuh bħala parti mill-istorja tagħna. Iżda llum, meta tħares lejh, tibda tirrealizza l-ħsara li ġġib il-gwerra. Meta tgħaqqad din il-ħarsa ma’ dak li tara għaddej fl-Ukrajna, dak li kont taħseb li hu parti mill-istorja jew film, itir. Tibda tirrealizza l-periklu li hemm; li dak li rnexxielna nibnu f’dawn l-aħħar sebgħin, tmenin sena jista’ jtir f’tebqa t’għajn. Hu għalhekk li aħna rridu l-paċi għax nafu xi tfisser gwerra – speċjalment gwerra li ser iddum u gwerra li ma nafux kif ser tiżvolġi. Ħaġa li ssalvana hi n-newtralità tagħna.
Ir-raġuni hi li l-gwerra li għaddejja bħalissa qegħda fl-Ewropa u mhux ‘il bogħod. Għalkemm m’aħniex imdaħħlin direttament, permezz tal-UE dħalna indirettament u diġà qed inħossu l-effetti tagħha. Ħafna llum bdew jirrealizzaw l-effetti koroh li jista’ jkollha din il-gwerra fuqna peress li llum diġa’ qed jiġi stmat li din il-gwerra ser tieħu snin sħaħ.
Il-periklu tagħna hu akbar minħabba li llum m’għadniex indipendenti peress li aħna integrati fl-UE. Bħalissa qed isiru sforzi sħaħ minn ċerti pajjiżi biex l-UE taċċetta malajr lill-Ukrajna bħala membru fl-UE. Ftit jirrealizzaw li jekk ikun hemm pajjiż fl-UE li jkun fi gwerra, dan għandu dritt li jitlob għas-solidarjetà u permezz ta’ dan l-UE, inkluż Malta ssib ruħha fi gwerra.
Hu għalhekk li bqajt skantat li Bernard Grech qal li hu u l-partit tiegħu jaqblu li l-Ukrajna tidħol fl-UE malajr kemm jista’ jkun.
Aħna m’għandna xejn li l-Ukrajna jew pajjiż ieħor jidħol fl-UE sakemm dan ma jkunx ta’ periklu għalina. Hawn tidħol ir-responsabbiltà li kull MEP għandu. L-ewwel obbligu li għandhom hu li jipproteġu l-Maltin u mhux li nkunu popolari mal-Ewropej. L-istess l-uffiċjali tal-gvern meta jkunu fi Brussels. L-ewwel interess li jridu jħarsu hu l-interess tal-Maltin.
Din mhux ser tkun xi ħaġa faċli għaliex il-kurrent fl-Ewropa hu differenti. Hemm min qed jaħseb li jekk l-Ukrajna tidħol fl-UE, ir-Russja ser iċċedi u tirtira. Din hi possibiltà imma hemm possibiltà oħra. Din il-mossa tista’ tpoġġi lir-Russja dahra mal-ħajt. Hu veru li s’issa l-armata Russa wrietna d-dgħufija tagħha, imma ma rridux ninsew li r-Russja hi armata sew bl-armi nukleari – armi li jġibu diżastru immens fuq perjodu twil ta’ żmien u fuq kulħadd, anki dawk li ma jkunux imdaħħlin fil-gwerra. Id-diżastru li dawn iġibu fuq in-nies hu wieħed kbir. Dan rajnieh meta l-Istati Uniti riedet tirbaħ it-Tieni Gwerra Dinjija u ma qagħditx tħabbel rasha u użat l-armi nukleari fuq il-Ġappun.
Hu għalhekk li ma naqbilx mal-azzjonijiet li qed tieħu l-UE. Bħalissa fl-Ukrajna l-akbar diżastru li hemm hu fuq in-nies komuni. Huma dawn l-aktar li qed ibatu u l-aktar li qed jitilfu ħajjiethom. Hu għalhekk nemmen li l-aktar ħaġa importanti hu li nwaqqfu l-ġlied u mhux affarijiet oħra, għaliex bħal ma ktibt, huma n-nies komuni, l-anzjani u t-tfal l-aktar li qed ibatu.
Biss biex inwaqqfu l-ġlied mhux nibnu swar madwarna rridu, imma li nibnu pont mar-Russja. Dan ma jfissirx li nkunu qed naqblu mar-Russja meta invadiet l-Ukrajna. Dan kien żball kbir u dan sar għaliex għar-Russja kien il-prinċipju tad-dominanza li tefagħhom f’din l-azzjoni krudila.
Imma li aħna nkomplu, bħar-Russja, nibnu l-azzjonijiet tagħna fuq il-prinċipju tad-dominanza u mhux paċi ser iġib imma problemi akbar, l-aktar fuq in-nies tal-Ukrajna u l-popli l-oħra inkluż il-popli tal-UE stess.
Ma jfissirx li jekk inwaqqfu l-ġlied inkunu solvejna kollox, imma għallanqas nassiguraw li n-nies ma jkomplux iħallsu b’ħajjiethom. Wara rridu nkomplu nibnu pontijiet oħra biex filwaqt ir-Russja tibda tirrispetta nazzjonijiet oħra jersqu lejn paċi aktar dejjiema għall-ġid ta’ kulħadd.
Effett li diġà kellu dan il-ġlied ma kienx biss il-ħajjiet tan-nies li hemm fl-Ukrajna, imma tal-ekonomija dinjija. It-tkabbir ekonomiku li kellha d-dinja dan l-aħħar snin kollu ser jintilef jekk inħallu l-ġlied għaddej qiesna qed nilagħbu logħba. Illum l-unika valur li hemm meta tintilef ħajja ta’ ċittadin innoċenti fl-Ukrajna, mhu xejn ħlief li għandu valur għall-propoganda. Fil-verità kulma nqisu meta jkollna telfa oħra ta’ ħajja hi biss żieda fin-numru. Li kieku mhux hekk, l-ewwel għan tagħna jkun li nwaqqfu l-ġlied malajr kemm jista’ jkun.
Biss Malta issa qed tiffaċċja theddida oħra mill-UE. Dan l-aħħar l-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi li d-deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu jridu jibdew jittieħdu skont il-maġġoranza. Dan ifisser li dawk l-oqsma fejn illum, skont it-Trattat preżenti tal-UE, kull pajjiż għandu dritt tal-veto, dan id-dritt ser jintilef. Kien pass tajjeb li l-gvern issieħeb ma’ disa’ pajjiżi oħra – id-Danimarka, l-Estonja, il-Fillandja, il-Latvja, is-Slovenja, il-Bulgarija, u r-Repubblika Ċeka – fl-istqarrija li għamlu li ma jaqblux.
Malta hi l-aktar f’pożizzjoni perikoluża minħabba li hi l-iżgħar pajjiż bi problemi speċifiċi. Jekk dak li trid il-KE iseħħ, l-indipendenza tagħna tintilef kompletament, għaliex minn integrazzjoni, bħal ma għandna issa, immorru lura għaż-żmien kolonjali għax Malta terġa’ ssir kolonja.
Din mhix xi ħaġa li ntbaħna biha issa – wieħed irid jiftakar il-proposta li kien għamel il-partit Laburista meta kienet dieħla fl-UE. Il-partit ried li Malta tieħu pożizzjoni bħal ma ħadet l-Iżvizzera, fejn hemm relazzjonijiet tajba u koordinazzjoni bejn l-UE u l-Iżvizzera, imma tal-aħħar baqgħet iżżomm l-indipendenza u n-newtralità tagħha.
Jekk nitilfu d-dritt tal-veto, nitilfu kollox. Ir-raġuni hi li l-UE hi soġġetta għan-NATO. Dan narawh li kull meta jiltaqgħu il-Ministri sew tal-Affarijiet Barranin u sew tad-Difiża, dejjem ikun hemm l-uffiċċjali tan-NATO. Meta jsir dan, il-futur tagħna jkun biss li nerġgħu insiru bażi militari tan-NATO bil-konsegwenzi kollha.