It-team nazzjonali Malti ta’ taħt il-15-il sena beda l-impenji tiegħu fil-UEFA Development Tournament b’telfa ta’ 3-0 kontra l-Litwanja.
Il-Litwanja bdew b’ritmu qawwi u wara erba’ minuti laqtu l-mimduda permezz ta’ xutt ta’ Jonas Zekonis. Ftit wara, il-viżitaturi fetħu l-iskor permezz ta’ Jonas Bagdonas, li approfitta minn cross mil-lemin biex tefa’ l-ballun fix-xibka, minkejja li Elias Abdilla kien għadu kemm salva tentattiv fuq il-linja fatali.
Malta ppruvat twieġeb u tibni l-azzjonijiet tagħha minn wara, iżda l-Litwani baqgħu perikolużi fil-kontrattakki. Fit-42 minuta, Bagdonas ikkombina tajjeb ma’ Rajmond Vilkin, li spara xutt b’saħħtu biex għeleb lil Mardeo Zammit u rdoppja l-vantaġġ tal-Litwanja.
Qabel il-mistrieħ, Shaylon Lanzon ipprova jnaqqas id-distakk, iżda x-xutt tiegħu għadda barra.
Fit-tieni taqsima, Malta kompliet tattakka u fit-53 minuta Craig Taylor ipprova xutt b’saħħtu li ġie salvat mill-goalkeeper Gustas Uscinas. Madankollu, fit-62 minuta, il-Litwanja għamluhom 3-0 permezz ta’ Vilkin, li kkonkluda minn distanza qasira.
Minkejja l-iżvantaġġ, Malta baqgħet tfittex il-goal. Jmii Zammit ipprova xut qawwi li ġie salvat minn Uscinas, filwaqt li tentattiv ieħor wara corner għadda ftit barra. Madankollu, id-difiża soda tal-Litwanja żammet lill-Maltin milli jsibu x-xibka u l-partita ntemmet b’rebħa ta’ 3-0 għall-viżitaturi.
Malta terġa’ tkun fl-azzjoni nhar il-Ġimgħa, 23 ta’ Ottubru, meta tiltaqa’ kontra l-Azerbaijan fit-tieni partita tagħha fil-UEFA Development Tournament.
Il-konfront se jintlagħab fis-Centenary Stadium, fis-1.30 pm.




