Thursday, October 22, 2026
Home Bloggers L-AĠENDA NAZZJONALI

L-AĠENDA NAZZJONALI

0
50

Fil-kompetizzjoni politika li tkun għaddejja minn jum għal jum f’demokrazija, għan essenzjali huwa dak li jinżamm kontroll fuq l-aġenda nazzjonali. Partit fil-gvern dejjem jibda f’vantaġġ peress li l-miżuri li jieħu jattiraw l-aqwa attenzjoni. Dal-vantaġġ jista’ jintilef jew jixxaqqaq meta l-miżuri li l-gvern jieħu jew ma jeħux iqanqlu d-dwejjaq fost saffi tal-poplu.

Il-mezzi ta’ kumnikazzjoni jibqgħu kruċjali f’kif tiġi ssettjata l-aġenda. Fiż-żminijiet moderni, il-gazzetti u medja stampati kienu element ewlieni f’dal-proċess. Illum il-medja soċjali daħlu bil-kbir fit-twassil ta’ messaġġi politiċi minn partiti fil-gvern u fl-oppożizzjoni. Biss ħaġa kurjuża hi kif it-televixin… li storikament żviluppa wara l-mezzi stampati u qabel dawk soċjali… baqa’ sal-lum mitqies bħala l-aqwa fattur ta’ pressjoni fuq l-aġenda nazzjonali. Talanqas hekk għadhom jemmnu ħafna mexxejja politiċi fl-Istati Uniti u fl-Ewropa. 

Issa l-predominanza tat-televixin f’dal-qasam bdiet bejn wieħed u ieħor fi żmien id-dibattitu televiżiv bejn Richard Nixon u John F. Kennedy fil-kampanja presidenzjali Amerikana tal-1960. Kważi sebgħin sena ilu…!

MIDTERMS

Fl-Amerika u lil hinn minnha, l-elezzjoni li riesqa tax-xahar id-dieħel għall-Kamra tar-Rappreżentanti u s-Senat Amerikan qed tqanqal interess li dejjem jikber. Fiż-żewġ istituzzjonijiet hemm biżżejjed siġġijiet fil-konkors biex skont kif jintrebħu jew jintilfu, il-partit Republikan tal-President Trump jitlef il-maġġoranza li jgawdi bħalissa fihom it-tnejn. Ir-riżultat se jiddetermina kif il-President se jkun jista’ jmexxi t-tieni nofs tal-mandat tiegħu.

Fl-aħħar sentejn, bil-maġġoranza fil-Kungress u fis-Senat, Trump irnexxielu jwettaq miżuri u jirbaħ poteri eżekuttivi bla preċedent fl-istorja moderna ta’ pajjiżu. Fl-istess waqt,  irnexxielu wkoll (skont l-istħarriġ tal-opinjoni) jitlef il-biċċa l-kbira tal-popolarità li telaq biha. Il-probabbiltà, qed jgħidu, hi li se jitlef il-kontroll tal-qasam leġislattiv. Personalment, qabel ma nara dil-ħaġa sseħħ, nibqa’ xettiku. Għax sadattant, il-Partit Demokratiku ftit jidher li għandu messaġġ koerenti.

SERJETÀ

Xi ħadd staqsieni: Mhux sinjal ta’ serjetà li qabel jitlaq proġett kbir ta’ investiment, min hu inkarigat biex iwettqu jiżgura li jsir studju dettaljat tiegħu? Bħal bl-ispejjeż li se jirrekjedi; biż-żmien li se jieħu; bid-dħul jew benefiċċji mistennija mill-operat tiegħu; bi stima tal-impatt ambjentali u soċjali…

Dażgur li studju hekk għandu jsir. U li s-serjetà involuta fih tiżgura li l-kalkoli jsiru skont l-aktar mezzi xjentifiċi aġġornati li jeżistu. Biss wieħed jistenna wkoll li fit-tħejjija tal-istudju ma jidħlux intenzjonijiet moħbija.  Fosthom per eżempju, li l-istudju għandu jwassal għal deċiżjoni ssettjata minn qabel; li l-istudju jservi biex itellef iż-żmien ħalli fil-fatt il-proġett ma jsirx… jew biex jagħti l-impressjoni mixtieqa għal xi żmien li tassew se jsir, mentri mhuwiex… 

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here