Wednesday, December 25, 2024

Manchester United jilħqu ftehim ma’ Ralf Rangnick biex ikun il-manager temporanju

Aqra wkoll

Manchester United laħqu ftehim ma’ Ralf Rangnick biex isir il-manager il-ġdid interim tal-club.

Ir-Red Devils keċċew lil Ole Gunnar Solskjaer nhar il-Ħadd wara li sfaw megħluba bl-iskor ta’ 4-1 minn Watford, bil-club jinsab fit-tmien pożizzjoni fil-klassifika tal-kampjonat.

United wettqu tfittxija għal manager ġdid interim biex jieħu r-riedni tal-club sal-aħħar tal-istaġun, b’Ranggnick fost lista qasira ta’ kandidati fosthom Rudi Garcia, Lucien Favre, Paulo Fonseca u Ernesto Valverde.

U jidher li ntlaħaq ftehim ma’ Rangnick, li se jarah iħalli l-pożizzjoni tiegħu bħala kap tal-isports u l-iżvilupp f’Lokomotiv Moscow biex jieħu dan ir-rwol.

Il-club Russu għad irid jaqbel li jeħles lil Rangnick mill-kuntratt tiegħu, għalkemm United huma mifhuma li ma jqisux dan bħala ostaklu biex il-coach ta’ 63 sena jieħu t-tmun tal-club.

Meqjus bħala l-‘Missier tal-football Ġermaniż’, il-coaching modern ta’ Rangnick irrivoluzzjona l-logħba f’pajjiżu. L-istess Rangnick se jkollu rwol ta’ konsulenza ta’ sentejn ladarba jintemm il-perjodu ta’ sitt xhur bħala manager tar-Red Devils.

Rangnick vjaġġa lejn Manchester fil-bidu tal-ġimgħa biex ikollu taħditiet mal-club. Huwa rrappurtat li rrifjuta offerta inizjali biex jieħu l-inkarigu, iżda minn dakinhar aċċetta termini ġodda.

Rangnick mhux se jkun responsabbli minn Man Utd kontra Chelsea minħabba raġunijiet ta’ permess ta’ xogħol. Il-coach ta’ 63 sena qabel mexxa lil Hannover, Schalke, Hoffenheim u RB Leipzig.

Aktar riċentement okkupa rwoli bħala direttur tal-football ma’ Red Bull Salzburg u RB Leipzig qabel ma mar ir-Russja. Huwa kellu wkoll esperjenza qasira bħala coach ta’ Leipzig.

Ekonomija

Sport