Tuesday, December 24, 2024

Manchester United se jkeċċu kwart tal-istaff tagħhom

Aqra wkoll

Manchester United se jnaqqsu 250 impjieg bħala parti minn mekkaniżmu li jnaqqsu l-ispejjeż u jwarrbu xi attivitajiet “mhux essenzjali”

Id-direttur tar-Red Devis, Dave Brailsford, mexxa reviżjoni wiesa’ tal-operat tal-club peress li f’Diċembru ġiet ikkonfermata l-ko-sjieda ta’ Ineos fil-club.

Sir Jim Ratcliffe kien diġà qal lill-istaff dwar ix-xewqa tiegħu li jerġgħu lura għax-xogħol mill-bini tal-club.

Madankollu, sorsi tal-club issa qegħdin jgħidu li hija meħtieġa trasformazzjoni finanzjarjament sinjifikanti biex titwaqqaf iż-żieda qawwija fl-ispejjeż minn sena għal sena.

Ir-reviżjoni kkonkludiet, li l-istruttura, id-daqs u l-għamla tal-club ma jirriflettux il-prestazzjoni attwali tal-football u għandhom aktar staff milli għandhom bżonn.

Sorsi jgħidu li l-iffrankar tal-ispejjeż ġie identifikat madwar attivitajiet “mhux essenzjali”, li għandhom jieqfu.

Għad irid jiġi ċċarat x’inhuma dawn l-attivitajiet, iżda l-għan huwa li jitnaqqsu l-għadd ta’ ħaddiema u l-ispejjeż tal-impje­gati. Il-United għandhom 1,150 membru tal-istaff full-time.

Il-kap eżekuttiv interim, Jean-Claude Blanc, ta informazzjoni dwar it-tnaqqis f’laqgħa tal-istaff kollu b’madwar 800 persuna preżenti.

Il-mossa hija marbuta li tiġi milqugħa b’mod negattiv, b’ħafna jindikaw li l-ak­kwisti ‘fqar’ ta’ players li saru, kienu l-kaġun ewlieni ta’ nefqa ta’ aktar flus mil­li se jiġu ffrankati billi jnaqqsu l-forza tal-membri tal-istaff.

Sentejn ilu, l-eks kap eżekuttiv Richard Arnold, kien iffilmjat jgħid lil grupp ta’ partitarji li l-United kienu “ħarqu” £1 biljun fuq players, biex kisbu ftit li xejn minn­hom.

L-aħħar darba li Manchester United reb­ħu l-Premier League kien fl-istaġun 2012-13. Fil-perjodu intermedjarju huma nefqu £1.5 biljuni fuq players ġodda, li ftit minnhom biss urew li huma ta’ valur tajjeb.

Il-club kellu offerta ta’ £35 miljun għad-difensur ta’ Everton, Jarrad Branthwaite, miċħuda dan is-sajf u huma ħerqana li jakkwistaw żewġ difensuri ċentrali u attakkant addizzjonali.

Barra minn hekk, ir-Red Devils għadhom kemm nefqu £50 miljun għall-iżvilupp tal-ground tat-taħriġ tagħhom ta’ Carrington, li fi żmien qasir wassal biex it-team tan-nisa jħalli l-faċilità l-ġdida mibnija għalihom biex tkun tista’ tintuża mill-iskwadra ta’ Erik ten Hag.

Ratcliffe qal f’intervista riċenti mal-media Ingliża li kienu “sitt xhur interessanti” minn meta xtara ishma fil-club u “mhux se jkun vjaġġ qasir” biex ipoġġi lill-United fit-triq it-tajba.

“Ma laħħaqtx mad-dinja moderna,” żied jgħid. “Uħud mill-prattiċi mhumiex fil-li­vell li għandhom ikunu għall-akbar club tal-football fid-dinja.”

Fir-rebbiegħa ġie kkonfermat li task force, li tinkludi lis-Sindku ta’ Greater Manchester, Andy Burnham, u lill-eks captain tal-United Gary Neville, kienet inħatret biex tħares lejn il-vijabbiltà finanzjarja tal-bini ta’ stadium ġdid qrib is-sit attwali ta’ Old Trafford.

Uffiċjali tal-United qalu privatament li d-deċiżjoni li jitnaqqsu l-membri tal-istaff ma ttieħdetx b’mod leġġer u l-oqsma kollha tal-club se jkunu affettwati, bl-eċċezzjoni tal-fergħa tal-karità, il-Manchester United Foundation.

Huma qalu li ġew ikkunsidrati alternattivi iżda l-impatt ma kienx ikun fit-tul. Issa se jibda proċess formali biex jiġu proposti s-sensji.

MARCUS RASHFORD SE JITLAQ LILL-UNITED?

Rapporti qed isostnu li l-attakkant internazzjonali Ingliż, Marcus Rashford 26 sena, jista’ jħalli lil Manchester United minħabba li r-relazzjoni mal-manager, Erik ten Hag, baqgħet ħażina wara li, f’Jannar li għadda, huwa ma niżilx għat-taħriġ minħabba li kien ma jiflaħx.  

Iċ-champions Franċiżi, Paris St-Germain, jinsabu nteressati fis-servizzi tiegħu biex jimla l-vojt li ħalla Kylian Mbappe li ngħaqad ma’ Real Madrid.

Min-naħa tar-Red Devils, qed jagħmlu minn kollox biex iżommuh f’Old Trafford iżda jekk jibqa’ jinsisti li jrid jitlaq, il-prezz tiegħu se jkun dak ta’ £80 miljun.

Il-kuntratt ta’ Rashford jintemm, f’Ġunju 2028, b’salarju ta’ £325,000 fil-ġimgħa.

Ekonomija

Sport