Sunday, May 19, 2024

Maqtula żewġ ġurnalisti oħra f’Gaża

... Qtil ta’ Palestinjani b’waħda mill-vittmi dekapitata

Aqra wkoll

Żewġ ġurnalisti oħra nqatlu fl-ibbombardjar mill-forzi Iżraeliti meta kienu fil-karozza tagħhom biex issa t-total tal-ġurnalisti maqtula mis-7 ta’ Ottubru tela’ għal 109.

Dan l-ammont gravi ta’ ġurnalisti maqtula waħdu juri kemm il-gwerer huma qattiela u kif m’hemmx protezzjoni vera għal dawn il-ħaddiema li kulma jagħmlu huwa dak li jippruvaw iwasslulna l-aħħar aħbarijiet u r-realtà ta’ x’inhu jiġri f’din il-gwerra.

M’hemmx protezzjoni lanqas għan-nies ċivili inkużi nisa u tfal u m’hemmx protezzjoni għall-pulizija fiż-żona li żgur huma wkoll qegħdin jippruvaw jagħmlu xogħolhom.

Fil-fatt dan huwa l-każ tal-pulizija Shay Germay ta’ 19-il sena li tilfet ħajjitha meta l-vettura tagħhom intlaqtgħet minn attakk. Żewġ uffiċjali oħra magħha sfaw feruti. Ma’ dan hemm ukoll il-qtil ta’ sitt Palestinjani oħra li sfaw vittmi tar-rejd mill-ajru. Erbgħa minn dawn huma rrapportati li huma aħwa.

L-uffiċjal tal-pulizija Iżraelita nqatlet fix-Xatt tal-Punent f’dik hekk deskritta bħala operazzjoni kontra t-terroriżmu li fiha nqatlu s-sitt Palestinjani. Il-vettura ta’ Germay u l-kollegi tagħha ntlaqtgħet minn bomba f’attakk fil-belt ta’ Jenin.

Il-Ministeru Palestinjan qal li l-attakk kellu fil-mira tiegħu nies li nġabru fuq il-post. Tabib Palestinjan li kien fost l-ewwel persuni li mar biex jgħin, spjega kif, “wieħed mill-vittmi kien dekapitat. Jidher li l-missila laqtietu direttament. Oħrajn tilfu saqajhom. Is-seba’ persuna sofriet ġrieħi serji u ttieħedet bl-ambulanza”.

Luttu fid-dinja ġurnalistika…

Fejn hija l-protezzjoni tal-midja?

In-numru tal-ġurnalisti mejta f’Gaza huwa verament allarmanti. L-aħbar li tnejn oħra tilfu ħajjithom wasslet għal sens ta’ disperazzjoni fid-dinja ġurnalistika hekk kif wieħed jista’ jara li l-ġurnalisti, minkejja li jkollhom immarkat sew fuqhom li huma “Press”, din mhiex qiegħda sservi ta’ sinjal ċar biex ma jisparawx fuqhom jew jattakkawhom.

Dawn l-aħħar żewġ ġurnalisti Palestinjani kien jisimhom Hamza Wael Al-Dahdouh, li huwa iben il-kap tal-bureau ta’ “Al Jazeera” fil-Medda ta’ Gaza, Wael Al-Dahdouh u t-tieni wieħed kien Mustafa Thuraya. Huma mietu waqt attakk fil-belt ta’ Khan Younis.

Filmati grafiċi ċċirkolaw fuq il-midja ftit mumenti wara l-attakk fuq il-karozza tagħhom. Fih jidhru mijiet ta’ nies iduru mal-vettura maħruqa.

Iż-żewġ ġurnalisti kienu qegħdin jiddokumentaw dak li kien qiegħed jiġri wara attakki li saru fuq djar ħdejn it-triq li tgħaqqad Khan Younis ma’ Rafah. L-uffiċċju tal-midja tal-gvern ta’ Gaza ikkundanna dan il-qtil u saħaq li, “l-għan ta’ Iżrael huwa li jintimida lill-ġurnalisti f’attentat fallut milli jaħbi l-verità u jevita milli jkun hemm rapportaġġ mill-midja”.

Sadanittant l-Iżrael żied fl-attakki tiegħu fin-Nofsinhar ta’ Gaza wara li s-Sibt li għadda ħabbar li temm operazzjoni b’suċċess li biha “eradika” lil Ħamas mit-Tramuntana.

Sport