Saturday, May 4, 2024

“Mar-riformi kbar li diġà għamilna se nagħmlu aktar” – Il-PM Robert Abela

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

“Prova mill-ġdid ta’ kemm il-Partit Nazzjonalista mhuwiex kredibbli. Jgħid ħaġa u jagħmel oħra. Prova ta’ kemm verament hemm baħar jaqsam bejn dak li jgħidu u dak li jagħmel. Dan huwa vot li waqqa’ l-maskra tal-PN. L-attitudni negattiva tal-Oppożizzjoni mhix se twaqqafna milli nkomplu nimplimentaw dan il-pjan ta’ riforma. Mar-riformi l-kbar li diġà għamilna se nagħmlu iktar.”

Hekk sostna l-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela waqt kollegament telefoniku l-Ħadd filgħodu wara li ftit tal-jiem ilu l-PN vvota kontra l-emenda għall-Abbozz 155 bit-titolu tal-Att tal-2020 li jemenda l-Kostituzzjoni ta’ Malta.

Minkejja din l-attitudni tal-Oppożizzjoni, Abela ta l-kelma tiegħu li bħala Gvern xorta se jibqgħu jirriformaw u jibqgħu mexjin il quddiem.

Spjega li biex jgħaddi dak il-vot kien hemm il-ħtieġa taż-żewġ terzi tal-kamra u l-iskop wara dan kollu huwa biex jissaħħu l-awtoritajiet regolatorji ta’ pajjiżna.

Qal li xi ħaġa li nnota meta ttieħed il-vot hija li l-Oppożizzjoni nfexxet f’ċapċipa ta’ sodisfazzjon. Abela qal li din l-emenda tressqet wara li talbu l-fehma tal-Kummissjoni Venezja, fejn għamlu kollox bl-ikbar trasparenza u reġgħu kkonsultaw. Żied jgħid li l-vot kontra jfisser li l-PN reġa’ falla t-test tal-interess nazzjonali u huwa vot li jibgħat messaġġ minn naħa tal-Oppozizzjoni biex min qed jabbuża jkompli jagħmel hekk. Fl-aħħar mill-aħħar, qal li dan huwa vot li waqqa’ l-maskra tal-PN.

Fl-istess waqt, Abela assigura li se jibqgħu jimplimentaw ir-riformi bl-istess rittmu li kienu qed jagħmlu fl-aħħar xhur, jekk mhux iżjed. Aċċenna għall-fatt li minn Jannar ta’ din is-sena ressqu 50 abbozz ta’ liġi ġdida u rnexxilhom jimplimentaw 38 liġi. Assigura li l-attitudni negattiva tal-Oppożizzjoni mhix se twaqqafna milli nkomplu nimplimentaw dan il-pjan ta’ riforma. 

L-ambjent mhux piż, iżda opportunità

Abela tkellem ukoll dwar proġett kbir li ġie inawgurat fl-aħħar jiem f’dak li għandu x’jaqsam mal-qasam ambjentali. Qal li permezz tal-inawgurazzjoni tal-proġett ta’ Wied Fulija, in-nies issa għandhom spazju miftuħ li jistgħu jgawdu. Fuq kollox qal li dan il-proġett juri bidla fil-mentalità fejn jidħol is-settur ambjentali, fejn kruċjali li l-isfidi jdawruhom f’opportunità.

Qal li dan il-proġett huwa prova oħra li dak li fuq l-ambjent b’mod ċar qed iwettqu u juri kemm tabilħaqq għal dan il-gvern, l-ambjent huwa tassew ta’ prirjorità.

Il-proġett ta’ Wied Fulija huwa proġett ambizzjuż fejn ra spazju li qabel kien miżbla jiġi trasfoomat għal spazju miftuħ għall-familji. Dan kollu sar b’investiment ta’ €4.5 miljun, b’ko finanzjament ta’ fondi Ewropej. Post li serva bħala miżbla bi kważi żewġ biljun kilogramma ta’ skart issa għandu fih 43,000 siġra u arbuxell.

Abela qal li s-sinifikat wara dan kollu juri l-bżonn li bħala pajjiż nidħlu għal proġetti oħra u turija ta’ kemm l-ambjent huwa wieħed minn dawk l-oqsma fejn bħala Gvern bdew jagħmlu iżjed u jridu jagħmlu iżjed għax wara kollox din hija tema li hija tassew għal qalbhom u tema li hija l-futur għal dak il-pajjiż.

Qal li dan kollu qed jimmarkawh fi strateġija ekonomika għall-għaxar snin li ġejjin u saħansitra fil-pjan ta’ pajjiżna għal wara l-pandemija. Sostna li l-ambjent mhux piż iżda opportunità. 

Aċċenna għall-fatt li din il-ġimgħa ġie kkonfermat l-għeluq tal-impjant tal-31 ta’ Marzu f’Birżebbuġa. F’dan ir-rigward kien tħabbar investiment ta’ €70 miljun biex issir it-tranżizzjoni tal-ħażna tal-fjuwil mill-qalba ta’ Birżebbuġa għal Ħas-Saptan. Abela qal li b’hekk implimentaw wegħda elettorali oħra.

Pandemija

Abela tkellem dwar il-laqgħa li kellu fl-aħħar jiem mal-Kummissarju Ewropew responsabbli mis-Suq Intern Thierry Breton fejn dan faħħar ħafna lill-awtoritajiet tagħna għal mod kif qed tiġi indirizzata l-pandemiija – kemm mill-aspett ta’ saħħa kif ukoll mill-aspett ta’ ekonomija.

Abela ddeskriva l-laqgħa bħala waħda ta’ sodisfazzjon u qal li Breton iddeskriva lil pajjiżna bħala “champions” tal-vaċċinazzjoni. 

Abela appella biex kull min huwa eleġibbli jmur jieħu l-vaċċin. Qal li dan huwa kruċjali biex nibqgħu nieħdu ħsieb is-saħħa u biex il-pajjiż ikompli jimxi ‘l quddiem.

Żied jgħid li sa issa li jikkonfortana li minn dak li qed jgħidulhom l-esperti tas-saħħa jidher biċ-ċar li l-vaċċin poġġina f’sitwazzjoni aktar sigura milli konna f’mumenti oħra fejn kien hemm żidiet fin-numri.

Fakkar li minn għada se jkun possibbli li wieħed jitlaqqam kontra l-Covid-19 mingħajr appuntament. Dan anke permezz ta’ mobile unit li se jkun f’diversi lokalitajiet skont l-iskeda li ġiet ippubblikata fl-aħħar jiem.

Sport