Thursday, April 18, 2024

Mara b’imħabba ta’ żewġt irġiel u karriera

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Sylvie’s Love” (Amazon: 15) hu film romantiku, tipiku ta’ snin ħamsin.  Id-direttur Eugene Ashe li kiteb ukoll l-iscript irnexxilu jżewweġ l-idea ta’ “A Star Is Born” mal-films romantiċi ta’ Doris Day.  Is-soundtrack li fih ħafna kanzunetti u mużika jazz, jinkludi wkoll ‘Fly Me To The Moon’ ta’ Doris Day.

In-narrattiva teħodna lura għal New York tal-1957, bl-attriċi kariżmatika Tessa Thompson fil-parti ta’ Sylvie.

Din tkun mara determinata li tilħaq fejn xtaqet.  Tibda  taħdem fil-ħanut ta’ missierha li jkun ibigħ id-diski.  Hemmhekk jiġi jaħdem ukoll Robert (Mnamdi Asomugha), li hu saksofonista mimli talent għall-mużika jazz.  Huwa jkun għadu irid isib saqajh.  Sylvie tibda tinteressa ruħha f’Robert imma Sylvie hi għarusa lil Lacy (Alano Miller) li mar għal gwerra fil-Korea u għadu ma ġiex lura.

Sylvie anke tkun ossessjonata li trid issir producer fil-qasam tat-televiżjoni.

Wara li Sylvie u Robert jibdew jinġibdu lejn xulxin, il-band li jkun magħha Robert tiġiha l-opportunita ta’ gig f’Pariġi. 

L-aħbar ssir magħrufa meta Sylvie tintebaħ li ħarġet tqila bit-tarbija ta’ Robert.  Sylvie ssibha bi tqila li tgħid lil Robert qabel isiefer għax beżgħat li ttelliflu l-opportunità.

Sadanittant, meta Robert ikun Pariġi, Lacy jiġi lura u Sylvie tiżżewwġu.  B’mod nobbli, Lacy jaċċetta li jrabbi t-tifla ta’ Sylvie daqs li kieku kienet tiegħu.  Sylvie tara xewqtiha ssir realtà u tibda tipproduci programm televiżiv.

Wara li Robert jikseb suċċess jiġi lura New York.  Laqgħa mill-ġdid ma’ Sylvie tixgħel mill-ġdid ix-xrar ta’ imħabba li darba kien hemm bejniethom.  Sylvie tinqabad maqbuda b’imħabba bejn żewġt irġiel u karriera.

News of the World

Apparti meta Tom Hanks jislef il-vuċi tiegħu għax-Sheriff Woody fil-films ta’ “Toy Story”, “News of the World” hu l-ewwel film ta’ Tom Hanks  fil-parti ta’ cowboy.

Għandu l-parti ta’ Captain Jefferson Kyle Kidd.  L-istorja sseħħ ftit snin wara l-gwerra ċivili Amerikana.  Kidd ikun wieħed li jiġri minn belt għall-oħra, jirrakkonta stejjer u jwassal aħbarijiet dwar presidenti, gwerer, katastrfofi u ġrajjiet oħra importanti minn kull parti tad-dinja.

Meta jkun f’Texas, jiltaqa’ ma’ tifla ta’ 10 snin, li jisimha Johanna.  Din tkun trabbiet għal bosta snin fil-komunitá indiġina magħrufa bħala Kiowa.  

Johanna ma tkunx taf ħajja oħra u allura tkun ositili għal dak kollu li ma kienx parti mill-ħajja fost il-Kiowa.  Il-missjoni ta’ Kidd tkun li jieħu lil Johanna lura għand iz-zijiet tagħha.  Il-vjaġġ tagħhom ma jkunx wieħed faċli hekk kif ikunu jridu jiffaċċjaw diversi sfidi.

Fil-parti ta’ Johanna, tidher it-tifla Ġermaniża Helena Zengel.  “News of the World” (Universal Pictures: 12A) hu t-tieni film li Tom Hanks jaħdem taħt id-direzzjoni ta’ Paul Greengrass.  L-ewwel wieħed kien “Captain Phillips” li parti minnu kien inħadem hawn Malta.

Il-film hu ispirat mill-ktieb ta’ Paulette Jiles li kien ippubblikat 4 snin ilu.  Ħafna jqisu li dan hu l-aħjar xogħol lettarju ta’ din il-kittieba li għandha 77sena.

The Prom

Maħdum taħt id-direzzjoni ta’ Ryan Murphy, “The Prom” hu ispirat mill-musical li ttella’ fuq Broadway maħluq mill-kompożitur Matthew Sklar.

Naħseb li n-numru mużikali ‘Love Thy Neighbor’ li d-drama queen Trent (Andrew Rannells) jinterprita fix-shopping-mall, jiġbor l-essenza ta’ dan il-musical.  Dan wara li wieħed mill-istudenti jgħidlu li ma jitgħallmux d-drama fil-James Madison High School ġewwa belt żgħira f’Indiana.  Trent jaħtfu fil-kelmu u jgħidlu “That explains your general lack of empathy.”

L-istudenti ta’ din l-iskola jingħaqdu għax waħda minnhom, Emma (Jo Ellen Pellman) ma titħallix tattendi l-prom għax riedet ġġib l-partner tagħha Alyssa (Ariana DeBose).  Ferventi li ma tħallix lil Emma tattendi kien hemm is-Sinjura Greene (Kerry Washington) mill-PTA.

L-istil tal-musical “The Prom” (Netflix: 2A) hu qrib dawk il-musicals tas-snin ħamsin sa nofs is-snin sittin.  Bħala musical, kien iddebutta f’Broadway f’Ottubru 2018, imma kien dam jittella’ anqas minn sena.

Il-film issa għandu kast li jinkludi lil Meryl Streep, Nicole Kidman u James Corden.

Meryl Streep għandha l-parti ta’ Dee Dee Allen.  Flimkien ma’ Barry Glickman (James Corden) huma jkunu koppja popolari fuq il-palk imma li issa jkunu għaddejjin minn kriżi.  Dan għax ix-show mtella’ f’Broadway b’nefqa kbira, ma kellux suċċess.

Dee Dee u Barry jintebħu li s-sitwazzjoni imbarazzanti ta’ Emma tista’ tgħinhom jiksbu lura l-popolaritá li darba kellhom jekk jissapportjawha.  Flimkien mal-atturi ċiniċi, Angie Dickinson (Kidman) u Trent Oliver, huma jaraw kif ser jaħtfu din l-opportunitá u jmexxu l-isfida tal-istudenti sabiex Emma titħalla tatendi l-prom mas- sieħba tagħha.

Ekonomija

Sport